STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI €12.8 miljun f’investiment dirett fil-komunitajiet madwar Malta
Investiment dirett ta’ €12.8 miljun f’proġetti fil-komunitajiet madwar Malta, permezz ta’ ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta.
Dan l-investiment, fuq perjodu ta’ sentejn, se jkun qed iwassal għal aktar proġetti infrastrutturali li jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti tal-lokalitajiet tagħna, fosthom xogħlijiet ta’ manutenzjoni, aċċessibbiltà, spazji pubbliċi u interventi oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Emil Vassallo u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt, u li għaliha attendew is-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi tal-lokalitajiet kollha madwar Malta.
Il-ftehim il-ġdid se jkun qed jara żieda fl-investiment, minn €10 miljun għal €12.8 miljun, fuq perjodu ta’ sentejn, li se tagħti aktar spazju lill-Kunsilli Lokali biex ikomplu jimplimentaw proġetti li jagħmlu differenza konkreta fil-komunitajiet tagħhom, filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi. Din iż-żieda fl-investiment hija wkoll waħda mill-wegħdiet elettorali tal-manifest tal-Gvern, u li twettqet fl-ewwel mitt jum.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-investiment huwa konferma tal-impenn tal-Gvern li jkompli jkun qrib il-Kunsilli Lokali u r-residenti, billi jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex il-prijoritajiet tal-komunitajiet jinbidlu fi proġetti konkreti. Hija saħqet li l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali biex l-investiment pubbliku jasal direttament fejn hemm l-aktar bżonn u jwassal għal titjib tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum.
“Qed inżidu l-investiment fil-komunitajiet tagħna għal €12.8 miljun biex nagħtu lill-Kunsilli Lokali aktar għodda biex iwettqu l-proġetti li verament għandhom bżonn ir-residenti tagħhom. Din hija wegħda li qed inwettqu fl-ewwel mitt jum,” saħqet il-Ministru Alison Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo saħaq fuq l-importanza li wieħed jibqa’ sensittiv għar-realtajiet tal-komunitajiet lokali, filwaqt li jkun hemm rispett sħiħ lejn l-awtonomija tal-kunsilli lokali. Huwa sostna li għandhom ikunu l-kunsilli stess li jagħżlu liema proġetti jitwettqu fil-lokalitajiet tagħhom, hekk kif huma l-aktar qrib tar-residenti u għalhekk jafu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt, qalet li dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-ħidma konġunta mal-Kunsilli Lokali biex il-proġetti jiġu identifikati u implimentati b’mod aktar effiċjenti. Hija saħqet li ż-żieda fl-allokazzjoni se tippermetti li jiġu mwettqa aktar proġetti li jħallu impatt konkret u pożittiv fuq l-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura tal-lokalitajiet tagħna.
Matul l-aħħar sentejn, permezz tal-ftehim preċedenti, twettqu 123 proġett infrastrutturali f’lokalitajiet differenti madwar Malta, b’ħidma diretta bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali.
Permezz tal-ftehim il-ġdid, il-finanzjament se jkompli jibdel il-prijoritajiet lokali fi proġetti konkreti, b’baġits, skedi ta’ żmien u responsabbiltà stabbiliti b’mod ċar. Dan se jwassal għal proċess aktar strutturat u effiċjenti, filwaqt li jiżgura li l-investiment ikun aktar ġust u bbażat fuq il-ħtiġijiet reali tal-lokalitajiet. L-għan jibqa’ li jissaħħu l-koordinazzjoni u r-responsabbiltà bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, sabiex l-investiment iwassal għal spazji pubbliċi aktar siguri, aċċessibbli u ta’ kwalità għar-residenti.
L-investiment se jkompli jappoġġja wkoll inizjattivi li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum, fosthom il-ħidma biex ikompli jsir titjib fil-bankini madwar il-pajjiż kollu, b’enfasi fuq aktar aċċessibbiltà u mobbiltà għall-komunitajiet kollha.
B’dan il-ftehim, il-Gvern qed ikompli jinvesti fil-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta, filwaqt li jagħtihom l-għodda u l-appoġġ meħtieġ biex il-viżjoni tagħhom għal-lokalità tinbidel f’proġetti konkreti li jħallu impatt pożittiv fuq ir-residenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261920
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261919