STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta b’pożizzjoni konsistenti għall-waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nofsani
Il-Ministru Ian Borg imexxi dibattitu ieħor tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda
“L-unika soluzzjoni għall-paċi u s-sigurtà hija l-waqfien mill-ġlied. Bil-ġlied se nieħdu biss aktar imwiet tal-innoċenti. Ejjew flimkien naħdmu għal soluzzjonijiet paċifiċi", kien il-messaġġ ċar u inekwivoku tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u l-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda Ian Borg waqt li indirizza dibattitu organizzat minn Malta dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
Fil-laqgħa, li saret fil-Kwartieri tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, tkellmu l-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà flimkien ma' kelliema għall-Palestina u l-Iżrael, u 45 pajjiż membru tan-Nazzjonijiet Magħquda oħra. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti qal li huwa inkwetanti u fuq kollox inaċċettabbli li t-talba tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-waqfien mill-ġlied f'Gaża ġiet injorata u fakkar li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jiġu rispettati, kif imniżżel fil-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru Borg għal darb'oħra talab lil Hamas biex tirrilaxxa lill-ostaġġi Iżraeljani immedjatament u bla ebda kundizzjoni. Fl-istess ħin, skont rapporti, aktar minn 33,000 Palestinjani mietu fl-aħħar xhur u bosta oħrajn ħadd ma jaf x'sar minnhom. Dawn l-imwiet għandhom jitwaqqfu wkoll. Fakkar ukoll li kull ostaklu sabiex titwaqqaf l-għajnuna umanitarja tmur kontra l-liġi internazzjonali.
“L-effett ta' dan il-kunflitt qed iħalli bosta riperkussjonijiet devastanti fuq ir-reġjun u hemm bżonn di-eskalazzjoni mill-aktar fis," tenna Ian Borg u fakkar fil-kliem tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda António Guterres li la r-reġjun u wisq anqas id-dinja ma jista' jkollha gwerra. Malta reġgħet insistiet il-pożizzjoni tagħha favur soluzzjoni politika ta' żewġ stati, li tindirizza l-aspirazzjonijiet taż-żewġ naħat, b'Ġerusalem, il-kapitali ta' dawn iż-żewġ stati li jgħixu f'paċi u sigurtà.
Fl-isfond ta' dan id-dibattitu, fl-irwol tiegħu ta' President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru Borg kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran Hossein Amir Abdollayan. Malta reġgħet kienet ċara fil-pożizzjoni tagħha li l-attakki riċenti li saru minn dan il-pajjiż huma inaċċettabbli, u li m'għandux ikun hemm aktar eskalazzjoni ta' dan il-kunflitt. Il-Ministru Borg kellu wkoll taħditiet ma' Dennis Francis, il-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Fl-istess jum, quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà, tressqet għall-vot riżoluzzjoni sabiex il-Palestina tiġi rikonoxxuta bħala membru sħiħ tan-Nazzjonijiet Magħquda. Ir-riżoluzzjoni kisbet il-maġġoranza tal-voti tal-15-il membru tal-Kunsill, inkluż dak ta' Malta, iżda m'għaddietx minħabba l-użu tal-veto mill-Istati Uniti.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930