STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Rapport tal-Bord Nazzjonali tal-Produttività jinnota l-fatturi li qed iwasslu għat-tkabbir ekonomiku
Waqt konferenza organizzata mill-Bord Nazzjonali tal-Produttività ġie ppreżentat ir-rapport annwali tagħhom li ffoka fuq il-produttività, fost oħrajn.
Ir-rapport innota li s-setturi tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni (ICT), kif ukoll is-servizzi finanzjarji qed jesperjenzaw tkabbir tajjeb ħafna. Ir-rapport indika wkoll setturi oħrajn li qed ikomplu jissaħħu, fosthom is-setturi finanzjarji. Ir-rapport jagħmel ukoll għaxar rakkomandazzjonijiet sabiex jiġi aċċertat li l-pajjiż jibqa' jsaħħaħ l-ekonomija tiegħu, waqt li jkompli jesperjenza tkabbir ekonomiku b'saħħtu, kif ġara fl-aħħar snin.
Fl-indirizz tiegħu waqt din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul innota b'sodisfazzjon kemm dan ir-rapport jindika biċ-ċar kemm il-politika tal-Gvern sejra fid-direzzjoni t-tajba. Dan fl-isfond ta' tkabbir ekonomiku sinifikanti li pajjiżna qed jesperjenza, flimkien ma' żieda fil-paga minima u riformi oħrajn.
Is-segretarju parlamentari innota wkoll l-impatt pożittiv li qed iħalli f'pajjiżna l-Investiment Dirett Barrani, il-progress fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u t-titjib fil-qasam edukattiv. Huwa qal li dawn ir-riżultati pożittivi nkisbu wkoll grazzi għad-djalogu soċjali b'saħħtu li għandna f'pajjiżna.
“Inħares 'il quddiem biex bħala Gvern inkomplu naħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali u l-Bord Nazzjonali tal-Produttività sabiex inkomplu niksbu riżultati pożittivi għal pajjiżna, u anke sabiex tkompli titkabbar l-ekonomija u b'mod tanġibbli jkomplu jgawdi l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin," temm jgħid is-segretarju parlamentari, filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha tal-Bord, lill-ekonomisti u l-esperti oħra li ħadmu fuq dan ir-rapport estensiv, li issa jinsab quddiem il-Kummissjoni Ewropea.
Il-konferenza kienet immexxija miċ-Chairperson tal-Bord Nazzjonali tal-Produttività u tal-MCESD, il-Perit David Xuereb. Waqt diskussjoni li saret fil-konferenza, tkellmu wkoll il-Prof Joseph Borg, is-Sur Andy Gatesy, is-Sinjura Ruth Debrincat, u s-Sur Mark Bajada. I-kumpanija EMCS, responsabbli mir-rapport, ippreżentat analiżi dettaljata tar-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Din il-preżentazzjoni saret mill-Prof Philip von Brockdorff, Dr Jonathan Spiteri u s-Sur Kurt Muscat.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930