STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI F’Marzu, Stabbiltà kompliet tbaxxi l-prezzijiet tal-ikel u naqset ir-rata ta’ inflazzjoni
Illum ġiet ippubblikata l-istatistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għax-xahar ta' Marzu fuq l-inflazzjoni. Il-prezzijiet tal-ikel naqsu għat-tieni xahar konsekuttiv f'Marzu. B'riżultat ta' dan, il-prezzijiet tal-ikel huma bħala medja 2% inqas milli kienu fl-aħħar ta' Jannar. Dan it-tnaqqis ma kienx dovut għal xejriet internazzjonali, peress li l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel għall-UE kollha kemm hi fl-aħħar ta' Marzu kien prattikament l-istess bħal-livell tiegħu f'Jannar.
B'riżultat tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel f'Malta, ir-rata tal-inflazzjoni niżlet għal 2.7% f'Marzu, minn 3.7% f'Jannar. Essenzjalment, aktar minn kwart tar-rata tal-inflazzjoni ġiet eliminata f'xahrejn biss. It-tnaqqis fl-inflazzjoni f'Malta kien id-doppju ta' dak osservat fir-rata tal-inflazzjoni tal-UE. B'riżultat ta' dan, ir-rata tal-inflazzjoni ta' Malta issa hija kważi l-istess bħar-rata medja tal-inflazzjoni tal-UE.

Wara Awwissu 2023, ir-rata tal-inflazzjoni tal-prodotti tal-ikel fl-Unjoni Ewropea waqgħet taħt dik f'Malta. Minn Ottubru d-diverġenza saret aktar evidenti, bil-prezzijiet tal-ikel ta' pajjiżna bdew jaċċelleraw, filwaqt li dawk fl-Ewropa kienu qed jonqsu. F'Jannar ir-rata tal-inflazzjoni tal-ikel f'Malta kienet ta' 11% meta mqabbla ma' 4.8% fl-UE. Bis-saħħa ta' Stabbiltà, din ix-xejra negattiva nbidlet, u l-inflazzjoni fil-prezz tal-ikel reġgħet bdiet tonqos f'Malta u resqet lejn il-medja Ewropea. Ir-rata tal-inflazzjoni tal-ikel naqset kważi bin-nofs f'xahrejn u niżlet għal 6%.

Eżempju ċar ta' dan huwa l-evoluzzjoni tal-prezz tal-kafè. Filwaqt li madwar l-Ewropa, il-prezz tal-kafè ilu jonqos għal aktar minn sena, f'Malta wara s-sajf beda jiżdied, u laħaq rata ta' inflazzjoni sitt darbiet ogħla mill-medja Ewropea sa Jannar. Fi Frar, ir-rata tal-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-kafè f'Malta niżlet minn 16% għal 6%, u f'Marzu niżlet għal 2.8%, u resqet ħafna eqreb lejn il-medja Ewropea.

Eżempju ieħor huwa l-ħaxix iffriżat. Hawnhekk ix-xejra tal-prezzijiet f'Malta kienet kontra dik madwar l-Ewropa tant li filwaqt li f'pajjiżna l-prezzijiet komplew jiżdiedu, fil-pajjiżi ġirien kienu qed jimmoderaw. Wara Stabbiltà, ir-rata tal-inflazzjoni f'Malta ta' dawn il-prezzijiet naqset bin-nofs minn 14% f'Jannar għal 7% f'Marzu, u resqet qrib ħafna tar-rata fl-Unjoni.

L-istess sitwazzjoni kkaratterizzat l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-marġerina. Filwaqt li madwar l-Unjoni l-inflazzjoni naqset drastikament, u kienet ġiet taħt dik f'Malta wara Lulju, f'pajjiżna r-rata tal-inflazzjoni marret bil-kontra, u żdiedet aktar. Wara l-introduzzjoni ta' Stabbiltà, l-inflazzjoni f'dan il-prodott hawn Malta naqset minn 9% u issa l-prezz huwa 6% anqas minn sena ilu. Anke hawn issa t-tendenza saret bħal dik madwar l-Ewropa.

Stabbiltà wasslet ukoll għal bidla sostanzjali fil-prezzijiet tal-ħut ipproċessat, speċjalment it-tonn taż-żejt. Għal darb'oħra, hawnhekk ix-xejra f'pajjiżna kienet differenti minn dik fil-bqija tal-Unjoni. Wara l-introduzzjoni tal-iskema, l-inflazzjoni nbidlet milli tkun aktar mid-doppju tal-medja Ewropea għal sitwazzjoni fejn il-prezzijiet huma aktar baxxi milli kienu sena qabel.

Finalment, fejn jidħlu l-prodotti taċ-ċereali, ix-xejra fil-prezzijiet segwiet dik fl-Ewropa, ħlief minn Novembru 'l quddiem, meta l-prezzijiet bdew jaċċelleraw b'differenza mill-bqija tal-Ewropa. Wara l-introduzzjoni ta' Stabbiltà, l-inflazzjoni hawn naqset b'aktar min-nofs minn 13% għal inqas minn 6% f'xahrejn biss.

Dawn huma xi eżempji ta' kif Stabbiltà biddlet ix-xejra fil-prezzijiet tal-ikel u ġabitha lura għax-xejriet internazzjonali.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930