STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Inwettqu Flimkien: Żieda ta’ 30 karozza tal-linja ġdida biex jissaħħaħ is-servizz tat-trasport pubbliku
B'investiment ta' aktar minn €8 miljun mill-Malta Public Transport (MPT), se jiżdiedu 30 karozza tal-linja ġdida bil-għan li tespandi l-flotta u takkomoda aktar in-numru dejjem jikber ta' passiġġieri li jagħżlu t-trasport pubbliku bħala l-mod preferut tal-ivvjaġġar tagħhom.
Ħabbru dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u ċ-Chairman tal-MPT Felipe Cosmen fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta l-Kurunell Mark Mallia u l-General Manager tal-MPT Konrad Pule.
Dan l-investiment jirrifletti domanda li dejjem qed tikber għal għażliet ta' trasport affidabbli u sostenibbli madwar il-pajjiż. Statistika uffiċjali turi żieda ta' 19% fin-numru ta' passiġġieri li vvjaġġaw bil-karozza tal-linja matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, b'total ta' 17.2 miljun passiġġier fl-ewwel tliet xhur tal-2024. In-numru ta' persuni li għandhom Tallinja card personalizzata, u li jagħmlu użu mill-karozza tal-linja tal-inqas darba fix-xahar żdied ukoll bi 30% minn 188,000 għal 224,000, li juri li aktar residenti qed jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Chris Bonett spjega li l-investiment fi trasport pubbliku effiċjenti jgħin biex jaqdi l-ħtiġijiet ta' setturi differenti fis-soċjetà. “Din is-sena, fl-ewwel xhur jidher li l-ammont ta' nies li qed jagħżlu is-servizz ta' Tallinja bħala l-mezz tat-trasport tagħhom reġa' żdied u għalhekk hemm bżonn li nkomplu nilqgħu għal din id-domanda," tenna l-Ministru Bonett.
Huwa kompla li l-investiment tal-gvern li jipprovdi s-servizz ta' trasport pubbliku kemm bl-art u kemm bil-baħar bla ħlas filwaqt li jaħseb għal żieda ta' aktar karozzi tal-linja, juri biċ-ċar l-impenn tal-gvern li jagħti soluzzjonijiet għall-isfidi tat-traffiku.
“Qegħdin naħdmu biex is-servizz tat-trasport pubbliku jibqa' dejjem jitjieb u għalhekk, flimkien mal-Malta Public Transport, hemm pjanijiet fis-seħħ biex sa tmiem l-2025 nintroduċu wkoll 120 karozza tal-linja kompletament elettrika, b'emissjonijiet żero, li jieħdu post il-karozzi tal-linja preżenti li jaħdmu bid-diesel. Din il-ħidma għandha twassal għal tnaqqis b'mod sinifikanti tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-settur tat-trasport," temm jgħid il-Ministru Bonett.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta, il-Kurunell Mark Mallia, saħaq li Transport Malta u l-Malta Public Transport huma flimkien iddedikati sabiex jipprovdu sistema ta' trasport pubbliku aktar affidabbli, effiċjenti, u favur l-ambjent li tkompli tissodisfa l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-komunitajiet tagħna. “Dan l-investiment ġdid għandu jikkontribwixxi għal esperjenza mtejba tal-ivvjaġġar għall-passiġġieri kollha filwaqt li navvanzaw l-isforzi kollettivi tagħna lejn futur aktar sostenibbli," qal il-Kurunell Dr Mallia.
Iċ-Chairman tal-Malta Public Transport Felipe Cosmen spjega li sakemm titlesta l-infrastruttura speċjalizzata għall-karozzi elettriċi, ittieħdet id-deċiżjoni li għandhom jiżdiedu n-numru ta' karozzi tal-linja biex tkompli titjieb l-effiċjenza tan-network tat-trasport pubbliku.
Fl-aħħar ġimgħat tnediet ukoll funzjoni ġdida f'Tallinja App li biha wieħed jista' jsegwi fejn waslet il-karozza li jkun qed jistenna f'ħin reali filwaqt li jirċievi aġġornamenti dwar is-servizz. Dawn l-aġġornamenti kienu milqugħa mill-passiġġieri hekk kif kien hemm feedback pożittiv dwar dan is-servizz fuq Tallinja App. It-30 karozza tal-linja ġdida, mgħammra b'teknoloġija diesel Euro 6 u kumditajiet bħal USB chargers u WiFi b'xejn, jagħtu prijorità lis-sigurtà u l-kumdità tal-passiġġieri.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930