STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Jitnieda l-programm Spring Time in Gozo 2024
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm Spring Time in Gozo 2024, programm kulturali varjat li se jkun mifrux fuq sitt ġimgħat u li se jolqot il-gosti tal-familja kollha.
Uħud mill-attivitajiet li se jiġu organizzati bħala parti minn dan il-programm jinkludu Science in the Citadel, il-kunċert Memorji, l-Opra La Bohème, Lejl Imkebbes u l-Malta International Fireworks Festival Gozo Special, fost attivitajiet oħra.
“Il-kalendarju kulturali mżewwaq b'diversi avvenimenti f'Għawdex jiġbed l-attenzjoni ta' bosta Maltin, turisti kif ukoll nies tal-lokal. L-għan tagħna huwa li nagħtu valur miżjud lil dawk kollha li jżuru Għawdex, kemm min jiġi għall-mistrieħ mal-familja jew mal-ħbieb kif ukoll dawk li jiġu għax-xogħol," qal il-Ministru Camilleri.
Huwa kompla jgħid li r-rebbiegħa huwa ż-żmien ideali sabiex wieħed iżur il-gżira Għawdxija u jipparteċipa fl-attivitajiet fil-beraħ hekk kif dan l-istaġun, bħal f'ħafna reġjuni oħra Mediterranji, huwa staġun ikkaratterizzat minn temp sabiħ.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan kollu jawgura tajjeb għas-sajf li ġej, l-istaġun l-aktar popolari f'Għawdex, fejn in-nies tal-lokal u t-turisti se jkollhom l-opportunità jgawdu l-istorja rikka, il-bajjiet sbieħ, l-esperjenza kulinari, u l-firxa vasta ta' avvenimenti li d-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru qed iħejji, biex l-esperjenza f'Għawdex tkun waħda memorabbli.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jidħol fuq is-sit eventsingozo.com jew jaċċessa l-programm minn https://issuu.com/visitgozo/docs/spring_booklet_2024
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932