STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI
B'reazzjoni għal rapporti relatati mal-esebiti tal-Qorti, il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jtenni li fiż-żewġ każijiet, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ħadet il-passi neċessarji u qed tikkoopera bis-sħiħ mal-Qorti u mal-Pulizija.
Il-Ministeru, kif diġà ħabbar il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-Parlament, fis-26 ta' Frar ħatar ukoll bord amministrattiv biex jwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta' oġġetti li jkunu ġew esebiti fi proċeduri legali u jagħmel l-eżaminazzjoni kollha meħtieġa. Dan il-bord huwa mmexxi mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, bl-assistenza tas-Sur Joseph Bonello u Sur Paul Debattista bħala membri, is-Sur Valerio Schembri bħala espert u s-Sur Frank Camilleri bħala segretarju. Il-Bord Amministrattiv għandu terminu ta' xahrejn, bil-possibilità ta' estensjoni waħda ta' xahar biex jippreżenta r-rapport, li għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet ta' kif għandhom ikomplu jissaħħu l-proċeduri għaż-żamma tal-esibiti b'mod sikur u affidabbli għal sistema ta' amministrazzjoni tal-ġustizzja effiċjenti u ġusta.
Sadanittant, fl-aħħar xhur l-Aġenzija kienet diġà bdiet ix-xogħol biex itejjeb il-livell ta' żamma tal-esebiti u fl-aħħar xhur kien hemm negozjati biex ikun introdott il-labelling tal-esebiti b'sistema ta' RFID.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jibqa' impenjat, li jsostni l-investiment u jirriforma s-sistemi u l-proċeduri biex ikunu effettivi u aġġornati maż-żminijiet.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932