STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI: Waslu lejn tmiemhom ix-xogħlijiet fiż-żona tal-kunċerti tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali
Waslu f'stadju finali x-xogħlijiet fiż-żona tal-kunċerti tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali u għaldaqstant dalwaqt mistenni tkun miftuħa għall-pubbliku. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett flimkien mas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, waqt żjara li għamlu fl-istess park.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif din iż-żona, li sa ftit snin ilu kienet impjant tal-konkos miksi b'tunnellati ta' materjal tal-kostruzzjoni mormi illegalment, issa ġiet żviluppata kompletament mill-ġdid fi spazju miftuħ li se joffri l-faċilitajiet kollha possibbli biex jistgħu jittellgħu attivitajiet tal-massa tal-ogħla livell.
“Dan il-proġett huwa fil-qalba tal-politika tal-Gvern, li nagħtu iktar spazji miftuħa liċ-ċittadini, hekk kif din iż-żona tal-kunċerti ser tkun tista' tintuża wkoll bħala spazju ta' rikreazzjoni għall-pubbliku. Kommessi li nibqgħu naħdmu biex inkomplu ntejbu il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin," temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal, “Dan huwa proġett ieħor minn sensiela ta' proġetti li jixhdu l-politika b'saħħitha li adotta dan il-Gvern biex ikompli jagħti lin-nies spazji ħodor u miftuħa biex jitgawdew mill-familji tagħna."
“Din iż-żona tal-kunċerti hija parti integrali minn proġett kbir ta' xogħlijiet li saru mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi fir-riġenerazzjoni tal-park nazzjonali. L-investiment b'saħħtu li sar f'dan il-park jinkludi l-ikbar spazju aħdar f'pajjiżna b'daqs ta' 20 grawnd tal-football, teatru, sala ġdida għall-esibizzjonijiet, pjazza ġdida, passaġġi ġodda għall-mixi u eżerċizzji fiżiċi, servizzi sanitarji ġodda, funtana ġdida, sistema ta' dawl speċjalizzata u parkeġġ kbir għal 500 vettura, fost oħrajn," spjega s-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Iż-żona tal-kunċerti fil-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali se tkun mgħammra bl-aqwa teknoloġija u faċilitajiet biex tilqa' fiha kunċerti tal-ogħla livell u attivitajiet tal-massa. Fost dawn il-faċilitajiet din iż-żona se jkollha dressing rooms u backstage taħt l-art, klinika, control room tas-sigurtà, żewġ design kiosks u 144 toilet. Barra minn hekk, l-ilma kollu għal din iż-żona se jittella' minn ġibjun kbir li jinsab taħt l-ispazju aħdar tal-istess park. Iż-żona se tkun mgħassa b'kameras tas-sigurtà 24 siegħa kuljum.
Din iż-żona se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f'pajjiżna u fl-aħħar kwart ta' din is-sena mistennija tilqa' fiha l-ewwel minn sensiela ta' kunċerti internazzjonali.
Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali, Jason Micallef, stqarr li din hija l-akbar riġenerazzjoni fuq spazji ħodor differenti li qatt twettqet f'pajjiżna li qed tħalli r-riżultati mixtieqa. Semma kif il-Park Nazzjonali f'Ta' Qali llum għandu struttura permezz ta' unit imwaqqaf biex jimmaniġġja dan il-park nazzjonali inkluż iż-żamma tiegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932