STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Malta tkompli tiddefendi d-Deroga tar-Riċerka tagħha dwar is-Seba’ Speċi ta’ Għasafar tal-Għana quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Illum, f'seduta importanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti kompla jiddefendi b'mod qawwi d-deroga ta' riċerka tiegħu dwar is-seba' speċi ta' għasafar tal-għana, filwaqt li qanqal dibattitu dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
Il-kwistjoni tal-inammissibbiltà kienet ċentrali għal Malta. Il-Gvern enfasizza irregolaritajiet fil-proċedura adottata mill-Kummissjoni Ewropea u sostna li peress li l-Kummissjoni naqset milli ssegwi bir-reqqa l-passi proċedurali kollha wara t-tħassir tal-qafas leġislattiv tal-2020 u l-promulgazzjoni tal-qafas leġislattiv tal-2021, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara l-kawża bħala inammissibbli. Mhux biss il-Kummissjoni naqset milli taderixxi mal-passi proċedurali meħtieġa, iżda injorat b'mod konsistenti t-talbiet tal-awtoritajiet Maltin li jsolvu l-kwistjoni b'mod amikevoli, inkluż billi injorat id-diversi tentattivi mill-Ministru Clint Camilleri biex jiddiskuti l-kwistjoni mal-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičius.
Rigward l-istandards tar-riċerka xjentifika, Malta ddeskriviet kriterji approvati minn sorsi awtorevoli, u sostniet li l-Proġett tal-Għasafar tal-Għana żamm ma' dawn il-kriterji. Malta wkoll indirizzat it-tħassib sollevat mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-irwol tan-nassaba, fejn iċċarat li l-involviment tagħhom kien ibbażat fuq metodoloġija xjentifika. Malta enfasizzat ukoll l-isfidi tagħha sabiex tikseb appoġġ sħiħ għall-qafas leġislattiv minħabba bojkotts minn ċerti NGOs, inklużi Birdlife Malta u EURING.
Fl-istess ħin, Malta ċaħdet l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-proġett ta' riċerka tal-għasafar tal-għana jista' b'xi mod jitqabbel mal-operat kummerċjali tal-kaċċa għall-baleni fil-Ġappun.
Fil-konklużjonijiet, Malta tenniet l-impenn tagħha li żżomm id-Direttiva dwar l-Għasafar filwaqt li sostniet li għandu jkun hemm interpretazzjoni preċiża tad-deroga tar-riċerka. Waqt li qed tistenna s-sentenza finali tal-Qorti, il-Gvern jenfasizza l-importanza li jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri kien preżenti għas-smigħ tal-kawża flimkien mat-tim legali li ddefenda l-interessi ta' Malta. Dan ikompli jikkonferma l-impenn tal-Gvern Malti f'dan il-qasam li huwa tant importanti. L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Tamara Capeta hija skedata għat-30 ta' Mejju 2024.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932