STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Aktar għajnuna lill-familji: Fi tmiem din il-ġimgħa jitħallsu pagamenti ta’ erba’ benefiċċji soċjali
Fi tmiem din il-ġimgħa se jkunu qed jitħallsu l-pagamenti t'erba' benefiċċji soċjali. Dawn huma ċ-Children's Allowance, l-Allowance għal tfal b'diżabilità, il-Fostering Allowance u l-Għajnuna Supplimentari. Dan se jkun it-tieni pagament ta' dawn il-benefiċċji għal din is-sena.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega li minn Jannar sa Ġunju tal-2024 se jkunu nħarġu €29,482,780 fuq pagamenti taċ-Children's Allowance, €1,857,987 għall-Allowance ta' tfal b'diżabilità, €720,992 fuq Fostering Allowance u €8,206,518 fuq benefiċċji tal-Għajnuna Supplimentari. Dan jfisser li sal-ewwel nofs ta' din is-sena €40 miljun se jkunu marru fil-bwiet ta' 63,000 familja.
Intant il-pagament taċ-Children's Allowance tul din is-sena qed jara żieda ta' €250, b'din iż-żieda tkun l-akbar waħda fil-ħamsin sena li ilu jeżisti dan il-benefiċċju.
Il-Ministru Falzon semma wkoll li sal-aħħar ta' Frar 2024, il-Ministeru implimenta 25 minn 35 miżura tal-Budget 2024, li jfisser illi diġà ġew imwettqa 71.4% tal-miżuri kollha tal-Budget 2024.
“Il-Gvern impenjat illi jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies permezz t'aktar benefiċċji b'saħħithom u li jmorru fejn hemm l-aktar bżonn," temm jgħid il-Ministru Falzon.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932