STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg jippreżenta l-prijoritajiet ta’ Malta għall-OSCE fil-Kunsill tal-Ewropa
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u Chair-In-Office tal-OSCE Ian Borg temm żjara uffiċjali fil-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu fejn ippreżenta l-prijoritajiet ta' Malta għall-Presidenza tal-OSCE fl-2024 taħt l-għajta ta' 'Insaħħu r-reżiljenza. Inżidu s-sigurtà'.
Waqt li kien qiegħed fi Strasburgu fil-kumitat tal-Ambaxxaturi tal-Kunsill tal-Ewropa huwa sostna kif kemm l-OSCE iżda anke l-Kunsill tal-Ewropa huma raġġ ta' dawl f'dan iż-żmien diffiċli li għaddejja minnhom id-dinja. Fid-diskors tiegħu l-Ministru Borg reġa' sostna kif Malta hija kommessa li tħares u tiżgura l-prinċipji u l-valuri mniżżla fl-Att Finali ta' Helsinki u l-Karta ta' Pariġi. “Dawn huma obbligazzjonijiet u impenji integrali sabiex l-OSCE tiffunzjona sew", qal il-Ministru Borg.
Huwa qal kif kemm l-OSCE iżda wkoll l-Kunsill tal-Ewropa għandhom bosta miri komuni, fosthom li jkun hemm sigurtà u stabbiltà fir-reġjun ibbażati fuq il-valuri tad-drittijiet umani, id-demokrazija u anke s-saltna tad-dritt. Il-Ministru Borg enfasizza dwar il-bżonn ta' aktar kollaborazzjoni bejn l-OSCE u l-Kunsill tal-Ewropa, partikolarment hekk kif Malta qed tagħmel il-preparamenti tagħha sabiex tieħu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa bejn Mejju u Novembru tal-2025.
Matul l-iskambju ta' fehmiet mad-deputati tal-Kumitat tal-Ministri, 'il fuq minn tletin Ambaxxatur esprimew l-appoġġ qawwi ta' pajjiżhom lejn il-Presidenza ta' Malta tal-OSCE u l-prijoritajiet magħżula, kif ukoll apprezzament talli aċċettat li tieħu dan il-kompitu diffiċli biex issalva din l-Organizzazzjoni u għaż-żjara tal-Ministru biex jippreżenta u jiddiskuti magħhom dawn il-prijoritajiet tant importanti.
Matul din iż-żjara fi Strasburgu, il-Ministru Borg kellu l-opportunità li jiltaqa' ma bosta uffiċjali għoljin tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiddiskutu temi differenti, fosthom ukoll il-preparamenti għall-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Ewropa għas-sena d-dieħla. Hu ltaqa' mas-Segretarja Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Marija Pejčinović Burić, iċ-Chair tad deputati tal-Kumitat tal-Ministri Domenik Wagner, il-President tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropea Theodoros Rousopoulos u s-Segretarja Ġenerali tal-istess Assemblea Despina Chatzivassiliou-Tsovilis, u l-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Siofra O'Leary li kienet akkumpanjata mill-Imħallef li qed tirrapreżenta lil Malta f'din l-istess Qorti Lorraine Schembri Orland. Il-Ministru Borg ippreżenta wkoll f'isem Malta kontribuzzjoni volontarja sostanzjali ta' €160,000 biex tgħin fil-finanzjament ta' diversi proġetti meħtieġa, inkluż assistenza għall-Ukrajna u tfal Ukreni.
Fi żjara tiegħu fi Strasburgu, il-Ministru Ian Borg u d-delegazzjoni tiegħu flimkien mar-Rappreżentanta Permanenti tal-Kunsill tal-Ewropa għal Malta Francesca Camilleri Vettiger u t-tim tagħha, u 'l fuq minn tmenin mistieden distinti, fosthom il-komunità Maltija li tgħix fi Strasburgu, kellhom l-opportunità li jsegwu l-film Malti Carmen, produzzjoni Maltija li twassal messaġġ importanti jumejn biss qabel id-dinja tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Mara.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932