Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Malta r-raba’ l-aqwa pajjiż fl-UE għal startups innovattivi

pr240356
Date Icon 06/03/2024

Malta ġiet ikklassifikata bħala r-raba' l-aqwa destinazzjoni għal startups innovattivi minn stħarriġ li sar mill-Europe Startup Nations Alliance (ESNA) fost 21 pajjiż tal-UE. Dan ħareġ fl-ewwel analiżi teknika tax-xorta tagħha mill-entità li nħolqot apposta mill-Unjoni Ewropea. Il-Malta Enterprise tirrappreżenta lil Malta fl-ESNA.

Qabel Malta, ikklassifikaw biss pajjiżi kbar bħal Spanja u Franza flimkien mal-Belġju. Malta kienet fost 10 pajjiżi biss li qabżu l-medja kumplessiva fuq l-istandards stipulati mill-ESNA. L-hekk imsejħa Startup Nations Standards huma 8 standards ta' eċċellenza fil-qasam tal-istartups. Spanja u Franza ġabu l-aqwa ċertifikat b'87%, il-Belġju b'74% u ssegwi Malta b'73%.

Malta saħansitra laħqet il-punteġġ massimu ta' 100% u hija l-aqwa fost il-pajjiżi kollha fi tliet oqsma minn tmienja. Dawn huma l-attrazzjoni ta' talent ġdid lejn Malta u l-ħila biex dan jinżamm; dwar kif għodod diġitali huma l-punt ta' komunikazzjoni ewlieni bejn startups u entitajiet tal-Gvern; kif ukoll l-ewwel pożizzjoni b'rabta mal-inqas ħin sabiex wieħed jirreġistra kumpanija ġdida. Qasam ieħor li fih pajjiżna jitqabbel b'mod tajjeb huwa dwar kif jinħolqu liġijiet b'mod innovattiv sabiex jirregolaw oqsma emerġenti.

Min-naħa l-oħra, aspetti li Malta titqabbel tajjeb iżda li jeħtieġ tkompli ttejjeb huma l-bżonn ta' firxa usa' ta' metodi sabiex wieħed jiġbor investimenti għall-kumpanija startup tiegħu u l-kunċett li l-ħaddiema jiġu offruti ishma f'dawn it-tip ta' kumpaniji. Dwar dawn l-oqsma, il-Gvern diġà qed jaħdem sabiex iwettaq sensiela ta' miżuri li jsaħħu lil pajjiżna bħala pajjiż ideali għal startups innovattivi. Għal dan il-għan, Malta Enterprise qed tħejji Startup Framework bil-għan li s-settur tal-istartups ikollu qafas leġiżlattiv iktar favorevoli, kemm għall-istartups u anke għall-investituri fi startups.

Malta Enterprise qed tkompli ssaħħaħ ukoll l-inċentivi tagħha bħall-Business Start u Startup Finance li jwasslu għal assistenza sa massimu ta' €1.5 miljun. Mil-lat ta' finanzjament usa', il-Gvern għadu kemm ħabbar il-ħolqien ta Venture Capital fund ta' €10 miljun sabiex jassisti startups innovattivi.

Permezz tal-brand “StartinMalta", Malta Enterprise qed taħdem ukoll sabiex toħloq aktar sinerġiji bejn entitajiet tal-Gvern u dawk privati – sabiex jkun hemm leħen nazzjonali wieħed b'rabta mal-innovazzjoni, avvanz ekonomiku, u l-ħolqien tal-ġid li jistgħu jġibu l-istartups.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri laqa' dan ir-riżultat u qal li dan se jixpruna aktar ħidma mill-Malta Enterprise u entitajiet oħra fi ħdan il-Gvern sabiex Malta tibqa' tattira l-aqwa kumpaniji internazzjonali.

“Nilqgħu dan ir-rapport b'sodisfazzjon u kommessi li nkomplu nagħmlu l-ħajja tal-istartups iktar faċli. Kumpaniji li jimpjegaw inqas nies imma li jħallsu iktar. Fil-fatt, huwa stmat li l-paga medja tal-ħaddiema mal-istartups li approvat il-Malta Enterprise jaqilgħu bejn €40,000 u €60,000 f'salarji. Fl-aħħar ftit snin il-Malta Enterprise approvat 60 proġett ta' dan it-tip – fejn dawn mistennija jiġġeneraw mijiet ta' impjiegi ta' dan it-tip. Lesti biex b'interventi fuq framework nazzjonali u anke investimenti mill-ewwel Venture Capital fund tal-Gvern Malti – nibqgħu nimlew b'kuraġġ lil dawk li f'pajjiżna lesti jagħmlu innovazzjoni ta' skala globali li ttejjeb il-ħajja tan-nies," qal il-Ministru Schembri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li “Permezz tal-Istartup Framework nazzjonali ser inbiddlu għadd ta liġijiet wara proċess ta' konsultazzjoni mal-istartups stess – fosthom biex nindirizzaw it-tnaqqis tal-burokrazija, indaħħlu inċentivi għall-investituri, jissaħħaħ il-finanzjament għal startups, u anke inċentivi biex impjegati ta' startups ikunu jistgħu jingħataw ishma fl-istartup li fiha jaħdmu. Ma' dawn irridu wkoll insostnu l-ħidma li ssir matul is-sena biex insaħħu l-ekosistema ta' startups f'Malta permezz ta' Startup Festival u minn din is-sena wkoll l-EU Startup Summit, li wara għaxar snin jittella' f'pajjiż Ewropew ieħor, għall-ewwel darba ser jkun qed isir f'Malta."

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Malta r-raba’ l-aqwa pajjiż fl-UE għal startups innovattivi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Malta r-raba’ l-aqwa pajjiż fl-UE għal startups innovattivi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow