STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imniedi l-proġett ‘Connecting marine data to serve society’
F'konferenza tal-aħbarijiet f'Villa Bighi tnieda l-proġett 'Connecting marine data to serve society' li se jkun qed jiġbor data essenzjali dwar il-baħar madwar il-Gżejjer Maltin sabiex din l-informazzjoni tkun tista' tiġi utilizzata. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti flimkien mal-Professur Aldo Drago u ċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi tal-MCAST.
Il-proġett CONNECT se jkun qed jindirizza aspetti relatati mas-settur tal-baħar, hekk kif is-settur marittimu qiegħed dejjem jikber u qed isiru kambjamenti kbar fil-mod kif jitwasslu l-prodotti u jitwasslu s-servizzi. Se jindirizza wkoll id-domanda fuq ir-riżorsi tal-baħar li hija mistennija tkompli tikber fuq livell dinji, speċjalment fil-Mediterran. Dan kollu se jiġi indirizzat fil-kuntest tal-ekonomija l-blu fejn l-attivitajiet ekonomiċi fl-ibħra għandhom isiru b'mod sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega li r-riċerka u l-innovazzjoni huma l-bażi li fuqhom jinbena l-futur tal-ekonomija ta' kull pajjiż. “Pajjiż li ma jinvestix fir-riċerka u l-innovazzjoni ma jirnexxilux jinbidel maż-żminijiet, speċjalment fl-era diġitali. L-isfidi nkomplu negħlbuhom billi nużaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u b'hekk noħolqu valur miżjud li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija, u permezz ta' dan il-proġett se nkomplu nsaħħu s-setturi marbuta mal-baħar," tenna s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Aldo Drago spjega li dan il-proġett se jġib flimkien diversi entitajiet Maltin sabiex jimplimentaw sistema nazzjonali waħda ta' ġbir ta' data biex jiġi ssalvagwardjat il-baħar ta' madwarna. “Id-data li se tinġabar tkun tista' tintuża biex nagħtu xejriet innovattivi lill-ekonomija tagħna billi nisfruttaw niċeċ ġodda ta' prodotti teknoloġiċi u servizz b'valur miżjud li jilħaq liċ-ċittadin," stqarr il-Prof. Drago.
Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, spjega li l-MCAST qed tkompli tavvanza fix-xogħol tar-riċerka u l-innovazzjoni, u tmexxi 'l quddiem il-progress f'diversi oqsma, inkluż fl-oqsma tal-baħar u l-ambjent.
“Permezz ta' proġetti bħal CONNECT, il-Kulleġġ qed jindirizza sfidi dinjija reali bil-kreattività u l-kompetenza. Iċ-Ċentru ta' Riċerka Applikata u Innovazzjoni (ARIC) tal-MCAST jimplimenta proġetti li mhumiex biss dwar attivitajiet akkademiċi. Dawn huma proġetti fejn se noffru soluzzjonijiet prattiċi għas-soċjetà tagħna u l-ġbir tad-data dwar l-ibħra hija rilevanti u importanti. L-għan huwa li dawn il-pjattaformi ta' riċerka jwasslu għal programmi edukattivi u impjiegi ġodda fl-ekonomija blu u ħadra", tenna l-Prof. Calleja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932