STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI: Realtà virtwali tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni permezz ta’ għajnuna mill-Malta Enterprise
Permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill-Malta Enterprise, is-St. Martin’s Institute għaddejja bil-proġett AuReal, li għandu l-għan li jippreserva l-wirt storiku ta’ pajjiżna bl-użu ta’ teknoloġija mill-aktar innovattiva, ir-realtà virtwali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, waqt żjara f’St. Martin’s Institute. Dan il-proġett qed jsir b’investiment ta’ €304,000.
Dan il-proġett jinvolvi l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, sit storiku dinji tal-UNESCO, li għandu aċċess limitat għall-pubbliku, iżda li b’din it-teknoloġija, b’riċerka storika u l-innovazzjoni teknoloġika tar-realtà virtwali, se jkun qed joffri opportunità unika ta’ kif nistgħu ngawdu dan is-sit u oħrajn.
Bil-proġett AuReal, St. Martin’s Institute qed iwittu t-triq għal era ġdida ta’ esperjenza kulturali immersiva, u qed jiżguraw li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jibqa’ aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru Silvio Schembri semma li dan il-proġett mhux biss qed jgħaqqad il-passat mat-teknoloġija innovattiva tal-preżent, iżda qed jgħaqqad ukoll entitajiet varji fi ħdan dan il-ministeru, fosthom il-Malta Enterprise li bil-fondi tagħha kienet strumentali biex dan il-proġett jingħata l-ħajja, Gaming Malta fejn proġett bħal dan jista’ jintuża f’industrija innovattiva u l-MDIA, fejn din is-sena se jsir il-ftuħ ta’ DiHubMT - spazju adegwat għal startups u scaleups li se jinkludi fih bħal High Performance Computer, li permezz tiegħu r-riċerka issir f’perjodu ferm iqsar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega li permezz tal-għotjiet fir-Riċerka u Żvilupp mill-entità, il-valur ekonomiku li qed jinħoloq jmur lil hinn mill-proġett innifsu. Semma li dan il-proġett apparti li se juża r-Realtà Virtwali u l-Intelliġenza Artifiċjali biex jiġi ppreservat il-wirt storiku tagħna, qed joħloq ukoll għodod li jistgħu jintużaw fl-industrija tal-films, gaming, software development, fl-industrija farmaċewtika u medika, fost oħrajn.
Il-Prinċipal ta’ St Martin’s Institute, Charles Theuma, spjega li bnew il-proġett fuq il-wirt kulturali ta’ pajjiżna u ħadmu fuq il-possibbiltà li student jgħix l-istorja ta’ pajjiżna permezz tar-realtà virtwali. Temm jgħid li grazzi għal dawn il-fondi setgħu jkomplu għaddejjin bir-riċerka tagħhom u jkomplu jibnu fuq dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932