STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI
Iffirmat ftehim ta' devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar għall-uffiċini amministrattivi tal-Kunsill
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ppresedew fuq l-iffirmar ta' ftehim ta' devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Permezz ta' dan il-ftehim, l-uffiċini amministrattivi minn fejn jopera dan il-Kunsill, issa se jgħaddi formalment f'idejn il-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-ftehim ifisser ukoll li issa l-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jkun qed jibbenefika minn skema ġdida ta' capping fuq il-kirja annwali tal-art. “Grazzi għal din l-iskema tal-Awtorità tal-Artijiet li ħabbarna ftit tal-ġimgħat ilu, l-valutazzjoni tal-kirja ta' dawn l-uffiċini se tkun ta' €500 biss fis-sena. Dan ifisser aktar serħan il-moħħ għall-Kunsill Lokali fil-ħidma tiegħu u l-possibbiltà li jinvesti aktar fondi f'inizjattivi għall-ġid tal-komunità."
Filwaqt li faħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm jgħid li jħares 'il quddiem sabiex ikompli l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni ta' artijiet tal-Gvern li jistgħu jgħaddu f'idejn il-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex jiġu utilizzati u jitwettqu proġetti kif ikun meħtieġ.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-ftehim ser iħalli aktar fondi f'idejn il-kunsill lokali u li l-kunsill jista' juża biex jindirizza l-bżonnijiet diversi tal-lokalità u r-residenti. Hija appellat lill-kunsill lokali sabiex b'mod għaqli jagħraf dawn il-bżonnijiet u jindirizzahom bi proġetti u inizjattivi li jwasslu għal lokalità aħjar u titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
“Il-kunsilli lokali huma responsabbli minn funzjonijiet varji li jinbidlu maż-żminijiet u ċertament li l-kunsill lokali tan-Naxxar ser ikun qiegħed jutilizza l-fondi ffrankati mil-kirja taċ-ċentru ċiviku sabiex jindirizza dawn il-funzjonijiet," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami esprimiet is-sodisfazzjon li l-Gvern, permezz tal-Awtorità tal-Artijiet, qed jafda propjetà oħra f'idejn il-Kunsill Lokali. Kompliet li din id-devoluzzjoni se twassal għal aktar opportunitajiet għall-Kunsill sabiex itejjeb u jżid is-servizzi lill-komunità Naxxarija u l-pubbliku.
Din il-binja barra li tospita l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali, isservi wkoll bħala ċentru ċiviku fil-qalba tan-Naxxar fejn jiġu provduti wkoll is-servizzi ta' berġa tas-saħħa, l-uffiċju postali, l-għassa tal-pulizija u l-uffiċju tad-dipartiment soċjali. Il-binja fiha wkoll sala li tintuża bħala day centre għall-anzjani u għall-attivitajiet diversi mill-għaqdiet tal-lokalità.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932