STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Preliminary Review: Leasing of private property by Government
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta r-rapport imsemmi hawn fuq, lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia. Din l-Analiżi Preliminari tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) kienet primarjament maħsuba biex tidentifika l-proprjetajiet privati li qed jinkrew minn Entitajiet Governattivi madwar Malta u Għawdex, u tanalizza l-karatteristiċi ewlenin tagħhom. Il-kiri ta' proprjetà privata minn Entitajiet Governattivi kien qed jiżdied matul is-snin, l-aktar minħabba l-espansjoni tas-servizzi pubbliċi u t-twaqqif t'Entitajiet ġodda. Sondaġġ tal-NAO wera li sal-aħħar ta' Diċembru 2022, diversi Entitajiet Governattivi kienu qed jikru mill-inqas 260 proprjetà privata bejniethom. Din il-figura teskludi proprjetà fejn il-kirja kienet inqas minn €1,000 fis-sena.
F'ħafna każijiet, Entitajiet tal-Gvern qed jirrikorru għal kiri ta' proprjetà privata minkejja li l-inventarju miżmum mill-Awtorità tal-Artijiet jinkludi aktar minn 4,000 proprjetà pubblika li mhux qiegħda tiġi utilizzata. Madanakollu, diversi kwistjonijiet operattivi qed ifixklu lill-Awtorità tal-Artijiet milli tiżgura ġestjoni tal-proprjetà aktar effiċjenti u effettiva, għall-benefiċċju tal-Entitajiet Governattivi. L-Awtorità storikament esperjenzat nuqqas sinifikanti ta' riżorsi finanzjarji, umani u teknoloġiċi. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-proprjetà li mhux qiegħda tiġi utilizzata teħtieġ restawr estensiv bi spiża konsiderevoli, u li għaldaqstant fil-prattika ma tistax tkun disponibbli għall-użu fi żmien qasir sabiex taqdi l-ħtiġijiet ta' ħafna mill-Entitajiet Governattivi. Din l-Analiżi nnutat ukoll li fl-Uffiċċju Konġunt (Joint Office) jipprevalu kwistjonijiet kumplessi relatati mar-reġistrazzjoni ta' proprjetajiet ekkleżjastiċi trasferiti lill-Istat bis-saħħa tal-ftehim li sar mal-Knisja fl-1993, li għaldaqstant jillimitaw id-disponibbiltà u l-użu ta' proprjetà pubblika.
Iċ-ċirkostanzi ppreżentati fil-paragrafu preċedenti, parzjalment, qed iwasslu lil Entitajiet Governattivi sabiex jikru proprjetà privata. Fl-2022, il-Gvern nefaq €22 miljun (eskluża l-VAT) biex jikri l-260 proprjetà privata kkunsidrati f'din l-Analiżi Preliminari. Fi 43 fil-mija ta' dawn il-kirjiet, l-Entitajiet Governattivi ma wettqux valutazzjoni tal-ħtiġijiet b'mod formali u dokumentat, qabel ma bdew jinkrew il-proprjetajiet privati.
F'madwar disgħa fil-mija tal-260 kirja, l-Entitajiet Governattivi ddevjaw mill-qafas regolatorju eżistenti taħt ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku ta' Proprjetà (L.S. 601.12) li daħlu fis-seħħ fit-30 t'April tal-2020. Qabel din id-data, l-akkwist ta' proprjetà, li jinkludi wkoll il-kiri ta' proprjetà privata mill-Gvern, kien eżentat mir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03).
Żewġ terzi mill-260 proprjetà privata mikrija mill-Gvern jintużaw bħala uffiċini. F'sitta minn dawn il-każijiet, l-Entitajiet Governattivi apparti l-kirja nefqu wkoll aktar minn miljun ewro (€) kull wieħed, biex jadattaw il-post għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Dawn l-arranġamenti kellhom kirja medja ta' 13-il sena.
Din l-Analiżi Preliminari nnutat diversi kwistjonijiet dwar il-governanza. Dawn jinkludu tħassib dwar il-konformità mal-qafas regolatorju, l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività, kif ukoll kwistjonijiet ta' kontabilità u trasparenza. Dawn il-kwistjonijiet inaqqsu l-probabbiltà li tali arranġamenti għal kiri ta' proprjetà privata, jirriżultaw f'valur għall-flus. Sitwazzjoni bħal din timplika li l-Gvern jeħtieġ li jsaħħaħ il-funzjoni tiegħu fejn tidħol il-ġestjoni tal-proprjetà, kemm fir-rigward tal-proprjetajiet tal-Istat kif ukoll fl-arranġamenti għal kiri ta' proprjetà mingħand is-settur privat. F'dan ir-rigward, dan ir-Rapport jipproponi għadd ta' rakkomandazzjonijiet.
Fid-dawl tal-kwistjonijiet li ħarġu minn din l-Analiżi Preliminari, l-NAO biħsiebu jagħżel uħud minn dawn il-kirjiet fuq bażi tar-riskju involut, sabiex janalizzahom f'aktar dettall. Din l-analiżi għandha tiġi ppreżentata f'rapport sussegwenti.
Dan ir-Rapport jista' jiġi aċċessat permezz tal-websajt tal-NAO www.nao.gov.mt jew il-paġna ta' Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932