STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jinfetħu n-nominazzjonijiet għall-Youth Empowerment Awards
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Università ta' Malta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ħabbar li qed jinfetħu n-nominazzjonijiet għall-Youth Empowerment Awards. L-għan ta' dawn il-premji huwa li jirrikonoxxu l-impenn u d-dedikazzjoni li l-għaqdiet taż-żgħażagħ joffru sabiex jipprovdu opportunitajiet għaż-żgħażagħ li jattendu l-Università.
Il-Youth Empowerment Awards qed jiġu organizzati minn Aġenzija Żgħażagħ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), u bis-sapport finanzjarju ta' Eurodesk. Eurodesk huwa n-netwerk Ewropew taż-żgħażagħ taħt il-kappa tal-programm Erasmus+, li jgħin liż-żgħażagħ jesperjenzaw opportunitajiet internazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza tal-irwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà tagħna. Semma kif permezz ta' din l-inizjattiva se jippremjaw lil dawk iż-żgħażagħ li diġà qegħdin jagħmlu differenza fit-tmexxija ta' istituzzjoni bħalma hija l-Università ta' Malta għall-ġid tal- istudenti li jattendu hemm.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Studenti Universitarji għall-ħidma tagħhom, filwaqt li ħeġġeġ l-għaqdiet taż-żgħażagħ sabiex jitfgħu n-nomini tagħhom għall-Youth Empowerment Awards.
Il-Maniġer ta' Aġenzija Żgħażagħ Maria Carmela Borg qalet li l-Aġenzija qed torganizza dawn l-Awards sabiex tippremja l-inizjattivi ta' dawn l-għaqdiet tal-istudenti, u b'hekk tħeġġiġhom ikomplu jwettqu aktar inizjattivi li jelevaw liż-żgħażagħ fl-Università u lil hinn minnha.
Tkellem ukoll il-President tal-KSU, Jeremy Mifsud Bonnici, u tenna kemm il-Youth Empowerment Awards huma importanti għaliex jirrikonoxxu ix-xogħol professjonali li jagħmlu l-għaqdiet studenteski.
Il-kategoriji għall-premji huma:
• The Personal Development Award
• The Positive Community Contributions Award
• The Youth-Friendly Information Award
Min jikklassifika l-ewwel, it-tieni, u t-tielet f'kull kategorija se jingħata premju ta' €1000, €500, u €250 rispettivament.
Il-linji gwida jistgħu jiġu aċċessati hawn, filwaqt li n-nominazzjonijiet se jintlaqgħu sal-10 ta' Mejju 2024 hawn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932