STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Ninvestu f’uliedna għal għada aħjar - Jiġi fi tmiemu l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali għat-tfal
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ippreżenta r-riżultati li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika li ser twassal għat-tfassil tal-politika nazzjonali għat-tfal, Children's Policy Framework 2023-2030 li għandha tinħareġ iktar tard din is-sena. Dan il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika sar bl-involviment attiv ta' professjonisti f'dan il-qasam, il-pubbliku u t-tfal infushom.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar l-importanza illi jkomplu jrawmu ħiliet essenzjali u jippromwovu mġieba pożittiva fost it-tfal, filwaqt illi jagħtuhom is-setgħa biex isiru membri reżiljenti, responsabbli u li jikkontribwixxu fis-soċjetà.
“Nilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li aktar minn 200 tifel u tifla pprovdew feedback li se jinforma u jsaħħaħ l-isforzi tagħna għat-tfassil tal-politika. Smajnikom u issa impenjati li nanalizzaw il-feedback li rċevejna biex niffinalizzaw dokument ta' politika ħolistiku li verament jirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta' uliedna," sostna l-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon esprima wkoll id-dispjaċir tiegħu għall-fatt illi l-ebda membru tal-Oppożizzjoni ma ħareġ bl-ebda idea u suġġeriment dwar dan il-qasam tant importanti u sensittiv.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu tkellem dwar l-għodod diġitali, ewlenija fosthom, The Empowering Children App, fejn it-tfal kellhom l-opportunità li jlissnu dak li verament jaħsbu dwaru b'mod komdu għalihom u b'mezzi teknoloġiċi li huma aċċessibbli għalihom.
Fi preżentazzjoni dettaljata, id-Direttur Ġenerali Alexia Vella tkellmet dwar kif ħareġ biċ-ċar li l-investiment kontinwu fl-edukazzjoni, l-ambjent u l-ispazji miftuħa, il-familja u l-ħin ta' kwalità, il-parteċipazzjoni tal-ġenituri mat-tfal huma fost l-aktar suġġetti illi kien hemm diskussjoni dwarhom.
Ċentrali wkoll kien hemm il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, speċjalment fl-ambitu tal-proċessi fil-Qrati u f'każi ta' separazzjonijiet. Feedback interessanti kien jinkludi d-diskussjoni dwar l-użu tas-sigaretti u l-vapes fost iż-żgħażagħ.
Is-saħħa mentali tat-tfal ġiet enfasizzata wkoll b'mod prominenti. Il-benesseri fiżikament u mentali tat-tfal ngħataw wkoll importanza, b'enfasi ssir lejn il-ħtieġa li jkun hemm appoġġ u riżorsi adegwati b'mod professjonali.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932