STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Sejħa ta’ fondi Ewropej għall-NGOs u għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u d-diżabilità
NGOs u għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u tad-diżabilità, u li jixtiequ jwettqu proġetti li jgħinuhom fil-funzjoni soċjali tagħhom jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, sal-aħħar t'April 2024. Dan il-fond huwa immirat għal proġetti ta' infrastruttura soċjali, jiġifieri għal proġetti li jwasslu għall-aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa u li jsaħħu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, b'mod partikolari dawk li jippromwovu t-transizzjoni minn kura istituzzjonalizzata għal kura fil-komunità.
Waqt żjara fil-binja tal-Fondazzjoni Caritas f'Blata l-Bajda, li toffri servizzi komunitarji, li saret b'assistenza ta' €2.8 miljun fondi Ewropej miksuba minn sejħa simili li ħarġet fil-passat, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħeġġeġ lill-istess fondazzjoni u lil NGOs oħra sabiex ikomplu jagħmlu użu minn dawn il-fondi, hekk kif hemm sitt miljun ewro disponibbli għal dawn l-inizjattivi.
“Inħeġġeġ lill-għaqdiet li jixtiequ jaċċessaw dawn il-fondi sabiex jagħmlu kuntatt mal-uffiċċju tas-Servizzi Ewropej f'Malta (SEM) fejn jistgħu jirċievu l-għajnuna kollha neċessarja tul il-proċess tal-applikazzjoni, bla ħlas," spjega d-Deputat Prim Ministru.
Id-Direttur tal-Fondazzjoni Caritas, Anthony Gatt stqarr, “Caritas għamilna l-almu tagħna biex naċċessaw fondi Ewropej, li kienu kruċjali biex stajna nirrinovaw u nibnu l-Caritas Community Centre li qed jagħti servizz nazzjonali." Huwa spjega li minn dan iċ-ċentru, is-sena li għaddiet, ingħataw servizzi lil madwar 700 persuna li għandhom diffikultà ta' dipendenza, 500 qarib ta' persuni b'dipendenza u 800 persuna oħra bi problemi soċjali varji.
Gatt fisser ukoll kif il-Fondazzjoni Caritas aċċessat skemi oħra ta' fondi Ewropej, bħall-Fond Soċjali Ewropew li għenhom jagħmlu digital lab fiċ-Ċentru tal-Ibwar fejn jingħataw servizzi ta' rijabilitazzjoni lill-adolexxenti u kif ukoll mill-Erasmus+ li ta opportunità lill-ħaddiema tal-Caritas biex ikomplu t-taħriġ tagħhom, anke permezz ta' esperjenzi edukattivi 'l barra minn xtutna.
Għal iżjed informazzjoni u għajnuna ta' kif jistgħu jiġu aċċessati dawn il-fondi, wieħed jista' jċempel lil SEM fuq 2779 7300 jew jibgħat email fuq info.sem@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932