STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Ftuħ Uffiċjali tal-Wirja “She can...You can” fil-Parlament ta’ Malta
L-MP David Agius, id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati, inawgura l-wirja intitolata “She can...You can". Din il-wirja tinkludi għadd ta' profili ta' nisa akkademiċi Maltin li kisbu suċċess kemm f'Malta u f'pajjiżi oħra f'diversi oqsma ta' xjenza. Din il-Wirja qed tittella' fil-Parlament ta' Malta bħala parti minn programm ta' attivitajiet li jfakkru l-Jum Internazzjonali dwar in-Nisa u Bniet fi Xjenza.
Id-Deputat Speaker fakkar li għalkemm nofs il-popolazzjoni tad-dinja hi magħmula min-nisa u bniet, l-għadd ta' riċerkaturi nisa f'oqsma ta' xjenza hu biss ta' terz jew 33 fil-mija ta' riċerkaturi kollha fid-dinja. Minkejja din id-diskrepanza, rapporti ppubblikati mill-Ġnus Magħquda juru lin-nisa xjenzjati jitqiesu fost ta' quddiem f'ħidma li tħeġġeġ aktar impenn mill-komunità internazzjonali biex jittieħdu miżuri tanġibbli favur l-iżvilupp sostenibbli u jonqos l-impatt negattiv minħabba t-tibdil fil-klima. Dawn il-miżuri jinkludu: Ħidma kontra l-faqar u l-ġuħ fid-dinja; Aċċess għal ilma nadif; Kura medika tal-ifjen kwalità lill-morda; Skejjel ta' kwalità għolja; Provvista ta' enerġija nadifa bi prezz raġonevoli; u Ambjent nadif.
Hu saħaq dwar id-dmir ta' kull studjuż fi xjenza għandu biex titjieb il-qagħda tal-bniedem. Minn tagħrif miksub mill-istudju, l-akkademiku jasal biex jipproponu soluzzjonijiet rigward il-problemi ta' żvilupp uman.
Id-Deputat Speaker temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-akkademiċi li kisbu suċċess fil-professjoni tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-istudenti fl-istudji tagħhom u saħansitra jimitaw lill-għalliema tagħhom ħalli aktar 'l quddiem huma wkoll jiksbu suċċess fil-professjoni tagħhom u jkunu f'qagħda li jtejbu l-livell tal-għajxien u l-benesseri tal-bniedem.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, l-MP u Kelliemi Ewlieni tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Alex Borg, u l-MP u Kelliemi Ewlieni għall-Edukazzjoni u Snajja' Justin Schembri.
Il-pubbliku hu mistieden li jżur din il-wirja fil-Parlament sal-Ħamis, 29 ta' Frar 2024, matul il-ġimgħa mid-9.00 ta' filgħodu sal-5.00 ta' wara nofsinhar, festi pubbliċi u s-Sibt u l-Ħadd bejn id-9.00 ta' filgħodu sa' nofsinhar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932