STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR
Il-Gvern se jkompli jinvesti fin-Nofsinhar ta’ Malta biex jagħti lin-nies postijiet isbaħ, kwalità ta’ arja aħjar, servizzi infrastrutturali aħjar u aktar spazji miftuħa. Kuntrarjament għal dan il-gvern, amministrazzjonijiet Nazzjonalisti abbandunaw lill-Kottonera u qatt ma ħarsu biex tassew jipprovdu proġetti ambjentali f’dawn il-lokalitajiet.
Illum il-ġurnata, il-Kottonera qed tara diversi xogħlijiet, fosthom ir-riġenerazzjoni tad-daħla tal-Isla, il-ġnien fuq il-Glacis fil-Birgu, il-pjanijiet għal spazju miftuħ fuq parkeġġ taħt l-art ġdid f’Bormla, ir-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Kottoner, it-tħawwil ta’ siġar fl-inħawi ta’ San Ġwann T’Għuxa, l-investiment fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li qed jospita l-ewwel pixxina indoor ta’ daqs Olimpiku, ir-riġenerazzjoni tas-Sally Port u l-pjazza tal-Kalkara u xogħol infrastrutturali biex jittejbu s-servizzi tad-dawl u ilma fost oħrajn.
Il-proġett tal-Kalkara waħdu qed jara investiment ta’ madwar €5.5 miljun li permezz tiegħu r-residenti fost oħrajn se jkollhom pjazza pedonali, aktar siġar, promenade akbar u aktar sigur, filwaqt li ngħaddew servizzi ġodda. Ix-xogħol sar f’żona li hija reklamata mill-baħar u x-xogħol strutturali f’partijiet differenti kellu jsir taħt il-livell tal-baħar. Tant kemm il-proġett intlaqa’ tajjeb mir-residenti, li għaddejjin diskussjonijiet biex żona oħra fl-istess inħawi, magħrufa bħala Tax-Xewkija, tiġi rriġenerata wkoll.
Il-Partit Nazzjonalista baqa’ bl-istess strateġija. Ipprova jxewwex lin-nies fl-2019, tliet xhur qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali meta kienu qed isiru x-xogħlijiet fi Triq Rnella u qed jerġa’ jagħmel l-istess illum, tliet xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2024.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932