STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Għaddej ix-xogħol fuq żewġ proġetti fis-Siġġiewi b’investiment ta’ ’l fuq minn miljun ewro
Fis-Siġġiewi għaddejjin b'ritmu tajjeb ix-xogħlijiet fuq żewġ proġetti – dak tal-bini mill-ġdid taz-zuntier tal-knisja parrokkjali kif ukoll it-tisbiħ taż-żona magħrufa bħala Ta' Ramija. L-investiment li qed isir fuq dawn iż-żewġ proġetti jaqbeż il-miljun ewro.
Waqt żjara f'dawn iż-żewġ siti, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia faħħar il-ħidma li qed issir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sabiex dawn iż-żewġ proġetti jitlestew fil-ħin u jkunu jistgħu jitgawdew mir-residenti u dawk kollha li jiffrekwentaw dan il-lokal.
“Dawn il-proġetti fis-Siġġiewi huma tnejn minn sensiela ta' proġetti li qed inwettqu f'diversi lokalitajiet sabiex barra li jsebbħu l-lokalità, ikunu aċċessibbli minn kulħadd u jagħmlu differenza pożittiva fl-aħjar interess tal-komunitajiet tagħna," sostna s-Segretarju Parlamentari.
Iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi qed jinqala' u jerġa' jinbena kollu mill-ġdid. Dan ix-xogħol ġie mqassam f'disa' fażijiet, biex bi ftehim mal-Arċipriet tal-Parroċċa, il-funzjonijiet u l-andament fil-knisja jibqgħu għaddejjin b'mod normali. Preżentement dan iz-zuntier għandu ħsarat kbar tant li matul is-snin sarulu diversi interventi temporanji.
Fit-tieni proġett, għaddejjin xogħlijiet biex spazju fil-qalba ta' bini residenzjali fis-Siġġiewi jinbidel f'żona ħadra u rikreattiva għall-komunità. Tneħħa l-paviment tal-konkos u ġiet mibnija ġiebja biex tiġbor l-ilma tax-xita. L-ilma li ser jinġabar f'din il-ġiebja se jintuża f'sistema ġdida ta' irrigazzjoni. Barra minn hekk, dan il-proġett ser jinkludi wkoll tħawwil ta' diversi pjanti u siġar ġodda, pavimentar ġdid, sistema ta' WIFI b'xejn, lanterni ġodda u kif ukoll sistema ġdida ta' CCTV cameras.
Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech semma kif f'dawn l-aħħar snin id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħadem fuq diversi proġetti ta' fejda għar-residenti tas-Siġġiewi. “Il-proġett taz-zuntier tal-Knisja kien mistenni ħafna u se jħalli legat importanti fl-istorja tal-lokalità. Barra minn hekk, l-investiment li qed isir fl-ispazju miftuħ ġdid ġewwa Ta' Ramija se jagħti nifs ġdid lil din iż-żona, filwaqt li jtejjeb il-livell ta' għajxien tal-familji u r-residenti li jgħixu hemmhekk," tenna s-Sur Grech.
Waqt din iż-żjara, kien hemm preżenti wkoll l-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Josef Mifsud.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932