STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imnedija għal konsultazzjoni pubblika r-riforma tas-settur tal-volontarjat bil-għan li ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv preżenti u tnaqqas il-burokrazija
Tnediet għal konsultazzjoni pubblika r-riforma fis-settur tal-volontarjat. Din ir-riforma għandha l-għan li tara li s-settur ikollu s-saħħa u l-għodda li għandu bżonn sabiex ikun jista' jiffunzjona kif suppost filwaqt li jinħoloq bilanċ bejn dak li għandu jiġi regolat u li jiġu simplifikati aktar l-proċessi.
F'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, tfisser li permezz ta' din ir-riforma, qiegħed ikun propost li jinħoloq l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Settur tal-Volontarjat u Not For Profit, kif ukoll li jinħolqu klassifikazzjonijiet u kategoriji definiti u ċari għall-għaqdiet volontarji.
B'din ir-riforma, għaqda volontarja se tkun qed tiġi klassifikata skont l-istatus, l-istruttura, il-klassi u l-kategorija li topera fiha.
Ir-riforma hija intiża wkoll biex toħloq proċess ta' reġistrazzjoni aktar sempliċi għall-għaqdiet volontarji, fosthom proċeduri ta' rappurtar aktar sempliċi u kunċett ta' One-Stop-Shop iżjed effettiv. Fejn jidħol dħul finanzjarju, din ir-riforma se twessa' aktar il-kategoriji finanzjarji, liem miżura se tkun qed toffri lill-għaqdiet volontarji flessibilità akbar fl-operat.
Il-Ministru Farrugia Portelli ħeġġet lin-nies, speċjalment lil dawk li għandhom għal qalbhom il-volontarjat biex jgħidu tagħhom tul dan il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika. “Bħala Gvern, napprezzaw il-ħidma ta' aktar minn 1,800 għaqda volontarja f'pajjiżna u ta' aktar minn 30,000 voluntier li jagħtu ħinhom f'dan is-settur. Din ir-riforma mhux biss se tkompli ssaħħaħ l-għaqdiet volontarji u toffrilhom l-ispalla li jeħtieġu, iżda se televa s-settur għal-livell li jmiss," temmet tgħid il-ministru.
Din ir-riforma tħejjiet wara proċess ta' konsultazzjoni estensiv li nbeda f'Diċembru tal-2021 taħt il-Patroċinju tal-President George Vella. Minn dakinhar saru 'l fuq minn 1,300 laqgħa ma' organizzazzjonijiet volontarji u not-for-profit u numru ta' regolaturi. Saru wkoll 2 proġetti ta' riċerka mal-Università̀ ta' Malta.
Id-dokument huwa aċċessibbli hawn, fejn ser jintlaqgħu s-suġġerimenti u l-kummenti sa nhar il-21 ta' Marzu 2024. Tista' tintbagħat ukoll email fuq vo@gov.mt
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932