Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA Dr Lydia Abela tniedi għall-ewwel darba Premju Mara 2023/2024

pr240198
Date Icon 08/02/2024

Ta' kull sena f'Jum il-Mara, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, tniedi numru ta' inizjattivi u attivitajiet li jsaħħu l-irwol tal-mara fis-soċjetà Maltija.

Preċiżament xahar qabel dan il-jum, Dr Lydia Abela nediet għall-ewwel darba Premju Mara 2023/2024; premju xprunat mill-ħsieb li s-sehem tal-mara jkun iżjed rikonoxxut f'pajjiżna.

Preżenti quddiem numru sabiħ ta' Sindki u Presidenti tar-Reġjuni f'Villa Francia, Dr Abela rrimarkat kif nhar it-8 ta' Marzu huwa jum sinifikanti u għandu jservi bħala jum ta' riflessjoni li fih mhux biss niċċelebraw il-kisbiet li saru, iżda ngħarblu u nifhmu aħjar x'jonqosna nagħmlu biex naslu fejn verament nixtiequ.

“It-tnedija ta' Premju Mara 2023/2024 se jkun qiegħed imur f'kull lokalità madwar Malta u Għawdex u għalhekk għażilt li ndur fuqkom is-Sindki u l-Presidenti tar-Reġjuni biex issir sejħa fis-68 lokalità f'pajjiżna għal mara ta' kull età li permezz ta' sehemha fis-soċejtà kollha wettqet differenza f'ħajjet ħaddieħor jew ħalliet impatt pożittiv," qalet mart il-Prim Ministru.

F'dan il-kuntest, Dr Abela qalet li tinsab għatxana biex tara nisa ta' kull età nnominati; tista' tkun żagħżugħa involuta f'għaqda volontarja, tfajla li ssieħbet ma' għaqda ta' każin tal-banda, mara li kompliet tistudja u tkabbar l-għerf tagħha jew anzjana li għażlet li tibqa' attiva fil-komunità tagħha b'modi varji.

In-nominazzjonijiet jistgħu jkunu diversi u ġejjin minn kull faxxa tas-soċjetà. Min-nisa tad-dar li ddedikaw ħajjithom għall-familja, min-nisa li komplew jistudjaw u jkabbru l-għarfien tagħhom, sa nisa li jmexxu kumpaniji jew jokkupaw irwoli b'saħħithom.

“Attwalment, se tkunu intom is-Sindki flimkien mal-bqija tal-Kunsilliera li tagħmlu l-għażla tagħkom għal persuna waħda li, fil-fehma umli tagħkom, ħaqqha tkun nominata mil-lokalità tagħha," qalet Dr Abela.

F'Jum il-Mara se tkun organizzata attività tal-għoti tal-premji biex mart il-Prim Ministru tiltaqa' ma' dawn in-nisa f'dan il-jum sinifikanti u tisma' l-istejjer ta' suċċess tagħhom filwaqt li jiġu ċċelebrati l-kisbiet uniċi li jkunu wettqu.

“Inħoss li jekk jirnexxielna naqsmu mal-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi l-istejjer ta' suċċess li n-nisa f'pajjiżna jiksbu ta' kuljum, inkunu qegħdin inqajjmu iżjed għarfien dwar l-irwol tal-mara f'pajjiżna," temmet tgħid Dr Abela.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li m'għandniex nillimitaw il-ħidma favur l-irwol tal-mara fis-soċjetà għal Jum il-Mara biss, iżda għandna nisħqu fuq l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa fuq bażi regolari ta' kuljum. Hija faħħret din l-inizjattiva b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali li se tippremja 68 mara li wettqu differenza fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li Premju Mara se jonora lil kull mara li tkun nominat mill-Kunsilli għall-impenn kbir li l-mara tagħti fil-komunitajiet tagħna. Żiedet tgħid li dal-impenn jistħoqqlu kull rikonoxximent għaliex jipprovdi pjattaforma ta' attiviżmu u ta' empowerment li jagħti spinta għal parteċipazzjoni akbar tal-mara fis-soċjetà tagħna.

Dawk interessati li jinnominaw mara għal dan il-premju jistgħu jsibu l-formola tal-applikazzjoni u l-linji gwida fuq https://localgovernment.gov.mt/useful-links/mara-linji-gwida/

STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA Dr Lydia Abela tniedi għall-ewwel darba Premju Mara 2023/2024
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow