STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI INWETTQU FLIMKIEN: Ħames proġetti se jibbenefikaw mill-iskema Post-Doc Fellowship
Ħames proġetti se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema Post-Doc Fellowship. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Din l-iskema, li kienet tnediet is-sena li għaddiet b'kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-Università ta' Malta u l-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriżi u l-Industrija, kienet miftuħa għal studenti li ggradwaw b'Dottorat sabiex jingħaqdu ma' negozji lokali biex iwettqu proġetti ta' riċerka mal-industrija. B'dan il-mod l-istudenti se jpoġġu fil-prattika dak li jkunu tgħallmu bil-għan li jgħinu lill-industrija lokali filwaqt li jiksbu l-esperjenza meħtieġa. Din l-iskema kienet tammonta għal €300,000, fejn kull proġett se jieħu sa massimu ta' €60,000.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta' kollaborazzjoni ta' dan it-tip bejn is-settur pubbliku u s-settur privat, li wasslet biex tinħareġ din l-iskema. “Il-Gvern se jkompli jixpruna lill-istudenti sabiex jagħtu kontribut fid-dinja tax-xogħol u b'hekk isarrfu s-snin ta' studji tagħhom fil-qasam tar-riċerka, b'ħidma konġunta mal-privat, fosthom negozji u intrapriżi Maltin," tenna s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Huwa kompla jgħid li din l-iskema hija konferma tal-importanza li l-Gvern qiegħed jagħti lis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni. “Qegħdin ninvestu €300,000 direttament fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex il-prodott Malti jkun jista' jitjieb u jikkompeti fis-suq internazzjonali ma' kumpaniji oħra barranin," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Professur Alfred J. Vella, tenna li permezz ta' din l-iskema l-Università ta' Malta tat l-kontribut tagħha u ħadmet mill-viċin mal-istakeholders involuti. “Ir-riċerka hija parti fundamentali fi ħdan l-Università, għax tipprovdi l-għodda neċessarja biex tkompli żżid mal-għarfien komuni f'kull qasam ta' studju. Nittamaw li opportunità bħal din tgħin biex tinċentiva iktar studenti biex iwettqu l-esperjenzi tagħhom fil-livell ta' post-dottorat," stqarr il-Prof Vella.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriżi u l-Industrija Dr Marthese Portelli qalet li l-Kamra tal-Kummerċ ilhom jaħdmu għal skemi ta' dan it-tip b'kollaborazzjoni mal-Università ta' Malta u għaldaqstant huma kuntenti li llum qed jiġu ppreżentati l-fondi lill-benefiċjarji ta' din l-iskema. Hija awgurat li din l-iskema tkompli tikber fis-snin li ġejjin biex b'hekk il-kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja jsiru parti integrali mill-iżvilupp tal-industrija lokali.
“Nemmnu li s-suċċess tal-proġetti li ser jitwettqu permezz ta' din l-iskema, ser ikunu ta' ispirazzjoni għal dawk li jixtiequ jimirħu fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex ikabbru n-negozju tagħhom. Fil-każ ta' riċerkaturi li għadhom kif iggradwaw bid-dottorat, dan hu mezz kif japplikaw it-tagħlim miksub u juru l-kapaċitajiet tagħhom għat-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna," temmet tgħid Dr Portelli.
F'għeluq il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari ppreżenta l-fondi lil dawk ir-riċerkaturi u kumpaniji li ntgħażlu l-proġetti tagħhom taħt din l-iskema.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937