STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Inwettqu Flimkien: L-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħaddiema diskuss waqt seminar li indirizza l-futur tax-xogħol f’Malta
Waqt seminar organizzat mis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali bit-titlu ‘Il-Futur tax-Xogħol: Illum u Għada’ ġew diskussi żewġ temi importanti. Dawn kienu l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħaddiema u l-importanza li jkompli t-tisħiħ fil-ħaddiema permezz tat-taħriġ.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul tkellem dwar l-importanza ta’ din id-diskussjoni miftuħa sabiex jisimgħu x’għandhom xi jgħidu l-esperti fuq suġġett daqshekk importanti tax-xogħol.
“Ix-xogħol mhux biss jagħti dinjità lill-bniedem, iżda flimkien mal-edukazzjoni, l-esperjenza u t-taħriġ huwa ċ-ċavetta għall-mobbiltà soċjali. Seminars bħal dawn tal-lum huma utli ħafna għaliex bis-saħħa tagħhom ikun hemm koordinazzjoni b’saħħitha bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern u b’hekk inkunu qegħdin nassiguraw dejjem aktar li l-futur tax-xogħol ikun wieħed ekwu u sostenibbli għall-ħaddiema kollha,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, is-Segretarju Parlamentari rrikonoxxa l-progress mgħaġġel li qiegħed isir u stqarr li sabiex ħadd ma jaqa’ lura, il-Gvern kommess li jkompli jsaħħaħ il-kunċett li għandu jibqa’ jiġi offrut taħriġ kontinwu biex persuna tibqa’ taġġorna ruħha. Filwaqt li faħħar il-progress diġitali li qed isir, huwa fakkar ukoll fuq l-importanza tal-isnajja u li l-Gvern ikompli jinvesti fihom.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr ukoll li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema u għamel referenza għal xi wħud mill-iżjed miżuri kruċjali li daħlu s-sena l-oħra bħad-dħul tal-leave tal-paternità li qed jiġi mħallas b’mod sħiħ, ix-xahrejn leave tal-ġenituri mħallsa, u anki l-ħamest ijiem leave tal-carers, li għal dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku, ġurnata minnhom hija mħallsa. Huwa żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ jindirizza r-realtajiet ġodda tas-suq tax-xogħol bħal ma għamel għall-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali.
Dr Ellul għamel referenza wkoll għar-riforma fit-Temping Agencies fejn qal li l-Kumitat Interministerjali u t-tim legali għaddejjin b’ħidma kontinwa fejn qed jiltaqgħu mal-partijiet interessati kollha sabiex din ir-riforma tkun waħda b’saħħitha, b’miżuri konkreti u effettivi.
Dan is-seminar kien jinkludi żewġ panels. L-ewwel panel kien dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq id-dinja tax-xogħol u l-ħaddiema, li indirizzawh is-Sa Diane Vella Muscat, Dr Christine Calleja, Prof. Alexei Dingli, u s-Sa Claudine Sciberras, filwaqt li t-tieni panel kien dwar kif nistgħu nsaħħu l-ħaddiema tagħna, fejn tkellmu s-Sur James Pearsall, il-Perit David Xuereb, is-Sa Ingrid Azzopardi, Dr Jeffery Pullicino Orlando u s-Sur Martin Borg.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937