STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Aktar investiment fi programmi edukattivi u ta’ prevenzjoni fl-iskejjel
Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, kompliet tmexxi ’l quddiem diversi kampanji edukattivi fl-iskejjel postsekondarji. Waħda minn dawn il-kampanji saret fil-Higher Secondary Giovanni Curmi fin-Naxxar, li matulha kien hemm diversi attivitajiet b’messaġġi edukattivi, fosthom dwar il-kontroll tal-istress kif ukoll għarfien dwar l-alkoħol u l-kannabis.
Waqt żjara, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon raw kif isiru dawn l-eżerċizzji biex tingħata informazzjoni korretta dwar l-effetti u l-liġijiet dwar dawn is-sustanzi.
Il-gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fil-qasam tal-prevenzjoni u harm reduction. Il-kollaborazzjoni ta’ Aġenzija Sedqa twassal biex ikun hemm aktar koerenza ħalli l-programmi preventivi jkunu effettivi u li jindirizzaw ir-realtajiet tas-soċjetà tal-lum.
Il-Ministru Clifton Grima qal, “L-edukazzjoni li nagħtu lil uliedna għandha tkun edukazzjoni sħiħa. Edukazzjoni li tkun waħda li tgħallem il-kurrikulu imma li tkun ukoll waħda li tħares lil hinn mill-kurrikulu biex intellgħu ġenerazzjoni li tkun responsabbli, billi nagħtuha wkoll tagħrif dwar il-ħajja. L-edukazzjoni għalhekk ma tħarisx biss lejn l-informazzjoni, il-mixja lejn il-bank tax-xogħol, imma wkoll li tinforma u teduka dwar ir-responsabbiltajiet ta’ kull student bħala individwu li huwa parti minn soċjetà.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-gvern se jkompli jinvesti fi programmi edukattivi u preventivi biex titwassal informazzjoni fattwali u anke konsegwenzi ta' ċerti abbużi li jistgħu jħallu detriment fit-tul.
Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni flimkien mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ħadmu wkoll biex jitfassal programm ħalli l-istudenti jingħataw l-opportunità jiddiskutu suġġetti varji ta’ interess u jtejbu l-ħiliet personali tagħhom. Dan qed isir f’oqsma li huma importanti għall-futur ta’ kull student u studenta. Żewġ programmi li qed iħeġġu aktar interess fost iż-żgħażagħ huma ‘Teen outside the Box’ u STOP, li jwasslu għarfien dwar użu għaqli ta’ mezzi soċjali u għajnuna dwar cyber bullying, fost l-oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937