STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Inwettqu Flimkien: Tittella’ l-Konferenza Nazzjonali għall-Għaqdiet taż-Żgħażagħ
“Iż-żgħażagħ huma l-investiment garantit għal Malta u Għawdex aħjar." Sostna dan is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Nazzjonali għall-Għaqdiet taż-Żgħażagħ organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ.
Din il-konferenza laqqgħet diversi żgħażagħ minn għaqdiet volontarji mxerrda madwar Malta u Għawdex sabiex flimkien jiddiskutu l-importanza tax-xogħol li qegħdin iwettqu u jkabbru l-għarfien dwar il-kwalità tal-ħidma tagħhom mgħotija lill-komunità.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari saħaq li ż-żgħażagħ għandhom ikomplu jingħataw aktar importanza fil-politika u t-tmexxija tal-pajjiż billi jinstema' leħinhom fid-deċiżjonijiet importanti li jittieħdu. “Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fikom iż-żgħażagħ u fl-importanza tax-xogħol li qegħdin tikkontribwixxu fil-komunità," tenna s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Huwa temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-voluntiera kollha għall-kontribut li qed jagħtu lejn is-soċjetà, kif ukoll lil Aġenzija Żgħażagħ għax-xogħol imwettaq minnhom lejn iż-żgħażagħ.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li, “Ix-xogħol imwettaq mill-għaqdiet taż-żgħażagħ huwa imprezzabbli. Huwa għalhekk importanti li Aġenzija Żgħażagħ tkompli ssaħħaħ ix-xogħol li jagħmlu u tagħti sapport kontinwu." Kompliet li l-għan tal-konferenza hu biex iħarsu lejn ix-xogħol li l-għaqdiet qed jagħmlu fil-komunità, biex is-servizz li jingħata liż-żgħażagħ ikompli jkun ta' standard għoli kif mistħoqq.
Stqarrijiet Oħra:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937