Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA INWETTQU FLIMKIEN: Imnedija l-linja nazzjonali ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità, 116 006

PR230573
Date Icon 21/04/2023

Tnediet il-linja nazzjonali ta' sapport għall-vittmi tal-kriminalità bin-numru 116 006, li ser tibda topera b'mod uffiċjali mit-Tnejn, l-1 ta' Mejju. Din il-linja ser titħaddem mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità, il-VSA. It-tnedija ta' din il-linja saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Kriminalità, Brian Farrugia u tal-Kap tat-Taqsima għas-Servizzi tal-Vittmi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, l-Ispettur Sylvana Gafà.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tfisser li n-numru 116 006 hu numru uniku li wieħed faċli jiftakru u li bih kull ċittadin Ewropew, kemm f'pajjiżu stess kif ukoll f'xi pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, jista' juża malajr biex jikseb l-għajnuna wara li jisfa' vittma ta' aġir krimini. Għalhekk, permezz ta' din il-linja li ser taħdem mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi f'festi pubbliċi, bejn is-7:30am u s-7:30pm, dawk il-vittmi ta' kull tip ta' kriminalità se jkunu jistgħu jitolbu s-servizzi li toffri l-aġenzija permezz ta' telefonata.

Sa issa, l-aġenzija toffri s-servizzi tagħha minn tliet ċentri, f'Santa Luċija, fil-Qawra u fix-Xewkija Għawdex. Fost is-servizzi bla ħlas li toffri din l-aġenzija, hemm servizzi emozzjonali u psikoloġiċi, servizzi ta' għajnuna legali kif ukoll issegwi u tagħti servizz ta' aċċess għal informazzjoni jew aġġornamenti dwar rapporti li jsiru lill-pulizija.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-linja 116 006 hija biss waħda mid-diversi servizzi li tnedew li huma ta' appoġġ lill-vittmi. Spjega li se tkun linja telefonika li toffri l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità kif ukoll taċċessa servizz ta' appoġġ filwaqt li tagħti spazju lill-vittmi u tirreferihom skont il-bżonnijiet tagħhom.

“Kull vittma, irrispettivament mill-kaġun tal-vittimizzazzjoni tagħha, għandha bżonn il-wens, is-simpatija, il-ħarsien u l-għajnuna professjonali u umana biex tgħinha tgħaddi mill-burraxka li tkun għaddejja minnha. Għal dan il-għan, sentejn ilu, konna waqqafna l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità li tajnieha l-inkarigu li tappoġġa u ssostni lill-vittmi tal-kriminalità u fl-istess ħin toħloq għarfien fil-komunità dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Dak is-servizz qed inkomplu nsaħħuh,"temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Brian Farrugia, spjega li fis-sentejn li ilha mwaqqfa l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Kriminalità, diġà għenet madwar 3,000 vittma tal-kriminalità li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn il-15 u t-80 sena. Qal li l-maġġoranza ta' dawn il-persuni kienu vittmi ta' reati relatati ma' vjolenza domestika, segwiti minn frodi u serq, insulti u theddid, ħsarat fuq proprjetà, swat u vjolenza oħra ta' natura fiżika.

“Il-filosofija tal-aġenzija hi li toffri servizz orjentat lejn il-vittma u 'l bogħod mir-riskju ta' vittimizzazzjoni doppja. L-għan aħħari tagħna hu li tgħin lill-vittma tirkupra mit-tbatija u tikseb kwalità ta' ħajja aħjar," ikkonkluda s-Sur Farrugia.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA INWETTQU FLIMKIEN: Imnedija l-linja nazzjonali ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità, 116 006
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA INWETTQU FLIMKIEN: Imnedija l-linja nazzjonali ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità, 116 006
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow