STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Inwettqu Flimkien: Aktar minn 2,800 familja se jibbenifikaw minn tisħiħ fil-Benefiċċju tal-Kera
Imwettqa 86% tal-miżuri tal-baġit tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli
Preżentament, aktar minn 2,800 familja qed jibbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Kera, benefiċċju li kien introdott fl-2019 u li issa se jissaħħaħ biex tkun assigurata l-affordabbiltà fis-suq tal-proprjetà, ħabbar il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Matul il-konferenza, tħabbar ukoll li 86% tal-miżuri tal-baġit tal-ministeru għas-sena 2023 ġew implimentati. Id f'id mal-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri tal-baġit, bħalissa, f'diversi lokalitajiet madwar Malta, għaddejjin b'ritmu mgħaġġel ix-xogħlijiet fuq numru ta' proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali.
“Il-punt tat-tluq fl-2019 kien ifisser li issa għandna Benefiċċju tal-Kera komprensiv, flessibbli u effettiv. Komprensiv għaliex din hija miżura li timxi id f'id mar-riforma fil-kera residenzjali, fejn kull kuntratt tal-kiri għandu l-obbligu legali li jkun irreġistrat. Flessibbli għaliex tajna assigurazzjoni li dan il-benefiċċju se jkun wieħed li jevolvi skont ir-realtajiet kurrenti tas-suq u effettiv għaliex qiegħed ikompli jagħmel is-suq tal-kera bħala alternattiva ta' akkomodazzjoni adekwata," spjega l-Ministru Galdes.
Huwa enfasizza li l-għan aħħari ta' dan il-benefiċċju kien u għadu li ħadd ma jħallas iżjed minn kemm jiflaħ, irrelevanti minn kemm jinbidel is-suq. Huwa tenna, “M'aħniex kuntenti li naraw familja kemm tkampa u bil-miżuri li qegħdin inwettqu qed nassiguraw li familja tkun tista' timxi 'l quddiem."
Huwa semma li bit-tisħiħ ta' dan il-benefiċċju, li diġà ddaħħal b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2023, koppja li għandha żewġt itfal jew aktar u li d-dħul massimu ta' din il-familja huwa ta' ftit aktar minn €13,500 u li għandhom kirja annwali ta' €9,600, issa se tkun qed tirċievi sa massimu ta' €5,000 fis-sena jew €416 fix-xahar. Dan se jkun ifisser żieda ta' €1,200 fis-sena, jew €100 fix-xahar. “Dan huwa dak li nfissru meta ngħidu li aħna gvern li jisma', jifhem u jaġixxi għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi," ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li l-implimentazzjoni ta' din il-miżura hija qabża oħra ta' kwalità fis-settur tal-kera. Qal li, “Iż-żieda fil-benefiċċju se tiġi kkalkulata fuq formula speċifika li tibbaża fuq diversi fatturi skont il-bżonn individwali ta' kull familja."
Is-Segretarju Permamenti tal-Ministeru Mark Musu tkellem dwar il-proċess ta' twettiq tal-miżuri tal-Baġit li jikkonċernaw il-qasam tal-akkomodazzjoni. Spjega li minn 7 miżuri mħabbra fil-Baġit 2023, diġà twettqu 6 miżuri. Dan ifisser rata ta' twettiq ta' 86%. Huwa ħabbar li s-seba' u l-aħħar miżura tal-Baġit se titwettaq sa Lulju li ġej.
Stqarrijiet Oħra:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937