Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI

pr230560
Date Icon 19/04/2023

B'reazzjoni għall-każ li seħħ fis-17 t'April 2023 ġewwa l-Imsida biswit ir-residenza ta' Andre Galea, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ħadem sabiex isiru l-interventi neċċessarji relatati ma' dan il-każ. Il-Ministeru jista' jikkonferma li aktar tard ilbieraħ filgħaxija ġew ikkonfiskati 8 t'iklieb mir-residenza ta' Galea. Il-klieb jinsabu f'post sigur u f'kundizzjonijiet xierqa taħt il-ħarsien tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Il-Ministeru jisħaq illi sa mill-mument li kien ġie mgħarraf b'dan il-każ, huwa assigura li r-riżorsi kollha neċessarji sabiex jiġu protteti l-annimali inkwistjoni, kienu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompententi. Fis-17 ta' April 2023, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ġie notifikat bil-każ li seħħ fl-Imsida fis-01:55am. L-Uffiċjali tad-Direttorat waslu fuq il-post kwarta wara l-ewwel talba għall-għajnuna. Għal sagħtejn sħaħ, dawn l-uffiċjali intervjenew, u ħadu l-azzjoni neċessarji akkumpanjati mal-membri tal-Pulizija li kienu preżenti fuq il-post. Minn din l-operazzjoni inġabar kelb mejjet, li ser ikun sottopost għal awtopsja.

Il-Ministeru jfakkar li f'Marzu ta' 2023, daħlu fis-seħħ numru ta' emendi tal-Att għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jissaħħaħ il-qafas leġislattiv u jkunu protetti l-annimali. Dawn l-emendi fost l-oħrajn jippermettu li l-Qorti, fejn xieraq, tipprojbixxi lil kull persuna li tinstab ħatja ta' reat taħt il-Kapitlu 439 u r-regolamenti sussidarji relevanti, milli żżomm annimali għal perjodu ta' żmien kif determinat mill-Qorti. Id-Direttorat jista' wkoll jagħmel talba lill-Qorti sabiex tkun tista' toħroġ digriet waqt il-kors tal-proċedimenti, jekk tkun sodisfatta illi hemm evidenza prima facie għall-ħruġ tad-digriet kontra dik il-persuna akkużata sabiex tipprojbixxi lill-akkużat milli jżomm annimali sakemm is-sentenza tkun għaddiet f'ġudika.

Nikkofermaw ukoll li l-klieb involuti fil-każ ta' Iniż Galea fl-2020 mhumiex l-istess klieb involuti fil-każ tas-17 ta' April 2023. Rigward rapporti li dehru fil-midja fejn intqal li l-persuna involuta fl-inċident tal-Imsida huwa breeder tal-klieb illegali, il-Ministeru xtaq jikkonferma li sal-ġurnata tal-lum, ma ġiet stabbilita l-ebda prova definittiva f'dan ir-rigward madanakollu, l-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu kienu, u għadhom għaddejjin.

Finalment, il-Ministeru jħeġġeġ li dawk kollha li għandhom informazzjoni dwar dan il-każ, biex jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti. Intant, il-Ministeru ser isegwi bir-reqqa l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, kif ukoll dawk tad-Direttorat tat-Trattament Xieraq tal-Annimali, bil-għan li jassigura li kwalunkwe azzjoni meħtieġa fil-konfront ta' dan il-każ, isseħħ skont il-parametri legali, bil-għan li nkomplu nsaħħu l-ħarsien tal-annimali kollha ġewwa pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow