Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Verifika ta' Effettività: An assessment of capital projects at the University of Malta

pr230551
Date Icon 18/04/2023

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta l-istudju hawn fuq imsemmi lill-President tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia. Din il-verifika ta' prestazzjoni ffukat fuq żewġ proġetti kapitali tal-Università ta' Malta (UM), li huma s-Sustainable Living Complex (SLC) u l-Campus Hub. L-għan prinċipali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) kien li jiddetermina kemm il-proġetti kapitali qed jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Università b'mod kost-effettiv. L-NAO għażel dawn iż-żewġ proġetti minħabba l-materjalità finanzjarja (€48 miljun u €46.7 miljun rispettivament), l-għanijiet speċifiċi tagħhom fi ħdan l-iżvilupp strateġiku tal-UM, kif ukoll biex tippermetti analiżi komparattiva bejn proġetti kapitali li jiġu ffinanzjati u implimentati kompletament mill-Università, u dawk li huma suġġetti għal arranġamenti ta' kofinanzjament mal-Unjoni Ewropea (UE).

Il-proġett ta' SLC kien konformi mar-rekwiżiti tal-UE, speċjalment fejn jidħlu l-istudji li jikkunsidraw mhux biss l-aspetti finanzjarji iżda wkoll il-ħtiġijiet attwali u futuri tal-UM. Minħabba dewmien ġustifikat, l-Università għażlet li tiddevja minn aspetti tad-disinn oriġinali tal-proġett biex tiggwadanja ż-żmien. Bid-deċiżjoni li ma tiġix estratta aktar ġebla minn fuq il-post tal-kostruzzjoni sabiex tintuża kemm għas-sottostruttura ta' SLC kif ukoll għal xi faċċati, l-UM tilfet l-opportunità li tħaddan aħjar il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari. Madankollu, l-Università għandha l-ħsieb li eventwalment tinkludi diversi elementi sostenibbli oħra fis-SLC.

Evalwazzjoni tal-ippjanar u l-ġestjoni fl-iżvilupp tal-Campus Hub identifikat tliet nuqqasijiet ewlenin. L-ewwel nett, l-UM għamlet il-valutazzjoni tal-fattibilità finanzjarja tal-proġett wara li rċeviet il-proposta tal-kuntrattur għat-Talba għal Proposti (RfP) tagħha, u ma pprovdietx evidenza tal-kalkoli preliminari li setgħu saru. It-tieni, l-Università ħarġet ir-RfP direttament u mhux mid-Dipartiment tal-Kuntratti (DoC). Filwaqt li dan l-approċċ ma kienx irregolari dak iż-żmien, l-Università tilfet l-opportunità li tibbenefika mill-esperjenza tad-DoC kif ukoll espożizzjoni akbar tal-proġett li kienet mistennija twassal għal vantaġġi kompetittivi. It-tielet, kwistjonijiet ta' koordinazzjoni xekklu lill-UM/Gvern milli jiddeterminaw il-bżonnijiet tagħhom fi stadju bikri, preferibbilment qabel il-ħruġ tal-RfP. Dawn iċ-ċirkostanzi affettwaw ir-rilokazzjoni potenzjali tal-Iskola Medika fi ħdan il-Campus Hub, l-ammont ta' spazju li l-UM kellha tikri minn dan il-proġett, u l-ġestjoni tal-parkeġġ.

Mill-perspettiva tal-valur għall-flus, l-NAO nnota li l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-SLC huma ġeneralment konformi mal-prezzijiet tas-suq prevalenti fl-industrija tal-kostruzzjoni. Għalkemm l-SLC ġeneralment irnexxielu jżomm l-ispejjeż tiegħu fi ħdan il-baġit, dan jista' jiġi affettwat b'mod negattiv f'każ ta' dewmien sinifikanti peress li l-ispejjeż tal-materjali kif ukoll tax-xogħlijiet dejjem kienu qed jiżdiedu fl-aħħar snin.

Bl-istess mod, il-proġett tal-Campus Hub ukoll jissodisfa l-kriterji finanzjarji u ekonomiċi. Madankollu, din il-verifika tistaqsi jekk l-UM setgħetx tagħmel ftehim aħjar, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' involviment tad-DoC u r-rilokazzjoni potenzjali tal-Iskola Medika.

L-istudju tal-NAO wera li dawn iż-żewġ proġetti għandhom il-potenzjal li jsostnu l-ħajja fl-Università. Din il-verifika ta' prestazzjoni kkonfermat li l-qafas amministrattiv tal-UM għandu l-kapaċità neċessarja biex jimplimenta proġetti kapitali ta' kobor sinifikanti, kif ukoll biex jevalwa l-kontribut ta' dawn il-proġetti kapitali f'termini tal-għanijiet strateġiċi tal-Università. Madankollu l-impatt tagħhom f'termini finanzjarji, ekonomiċi u soċjali seta' żdied permezz ta' komunikazzjoni, koordinazzjoni u ppjanar aħjar. F'dan ir-rigward, l-NAO ppropona numru ta' rakkomandazzjonijiet.

Ir-rapport huwa aċċessibbli mill-website tal-uffiċċju www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta' Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow