STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inwettqu Flimkien: Youth Hub ġdid fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi
Fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) tlesta proġett konġunt mal-Aġenzija Żgħażagħ li qed jintroduċi Youth Hub ġdid. Dan ser ikun spazju ta’ rikreazzjoni bil-għan li jkun ta’ servizz għall-istudenti tal-istess istitut, li ser joffri tagħlim informali kif ukoll għajnuna liż-żgħażagħ biex ikomplu jissaħħu fil-ħiliet personali tagħhom.
F’dan il-Youth Hub ser jibda jkun hemm ħaddiema ta’ Aġenzija Żgħażagħ li ser ikunu għad-dispożizzjoni tal-istudenti kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt l-inawgurazzjoni tal-istess Youth Hub mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif fid-dinja mgħaġġla li ngħixu fiha llum huwa kruċjali li jinżamm bilanċ bejn ir-rutina impenjattiva u l-ħin ta’ kwalità tal-persuna. “Nawgura li dan l-ispazju innovattiv iservi ta’ għajnuna għall-istudenti li għandna fl-ITS biex ikomplu jissaħħu fil-ħiliet edukattivi ta’ ġewwa u barra l-klassi. Dan il-Youth Hub huwa proġett ieħor, fost diversi inizjattivi oħrajn, li permezz tagħhom iwasslu sabiex minn studenti għada jkollna ambaxxaturi li joffru servizz professjonali fl-ispettru kollu tal-industrija tal-ospitalità lokali,” tenna l-Ministru Bartolo.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li permezz ta’ dan il-proġett qed titwettaq wegħda oħra elettorali. “Aħna nifhmu li fid-dinja mgħaġġla tal-lum is-soċjalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ naqset ħafna. Għaldaqstant, qed nippruvaw nerġgħu nibnu l-komunikazzjoni fost iż-żgħażagħ billi niftħu spazji ġodda, bħal dan il-Youth Hub, fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiltaqgħu, jiddiskutu u jaqsmu l-interessi ta’ xulxin,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937