STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA INWETTQU FLIMKIEN: Be Water Smart - Imnedija tliet għotjiet finanzjarji għal sistemi ta' purifikazzjoni tal-ilma
Miljun ewro qed jiġu allokati għall-iskema l-ġdida dwar sistemi tal-purifikazzjoni tal-ilma
Tliet tipi ta’ għotjiet finanzjarji ġew imnedija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża biex iħeġġu inqas użu ta’ single-use plastic permezz ta’ sistemi ta’ purifikazzjoni tal-ilma.
B’investiment ta’ €1 miljun, il-Ministeru qed iniedi l-‘Be Water Smart Scheme’ biex tappoġġja lill-familji li qed jinvestu fil-filtrazzjoni tal-ilma u sistemi domestiċi ta' reverse osmosis. L-iskema toffri tliet tipi ta’ għotjiet finanzjarji, biex tilqa’ għas-sistemi differenti:
1. Be Water Smart: Water Guard, applikabbli għal sistemi ta' filtrazzjoni tal-ilma. Ir-rata tal-għotja hija ta' 40% tal-prezz inkluż l-ispiża tal-installazzjoni, sa massimu ta’ €100.
2. Be Water Smart: RO Wave, applikabbli għal sistemi ta' reverse osmosis. Ir-rata tal-għotja hija ta' 15.25% tal-prezz inkluż l-ispiża tal-installazzjoni, sa massimu ta' €100.
3. Be Water Smart: RO Recycle, applikabbli għal reverse osmosis b’wastewater ritornat fil-ħażna tal-ilma residenzjali. Ir-rata tal-għotja hija ta' 40% tal-prezz inkluż l-ispiża tal-installazzjoni, sa massimu ta' €300.
L-ammonti ta’ hawn fuq jirrappreżentaw żieda mill-għotja preċedenti, li kienet ta’ 15.25% fuq il-prezz tax-xiri u l-installazzjoni, sa massimu ta' €70.
“Huwa stmat li kull dar tixtri madwar 500 flixkun tal-plastik fis-sena. Permezz ta' kampanji bħal Saving Our Blue, niġbru madwar 200 kilo ta' fliexken u tappijiet tal-fliexken minn clean-ups li jsiru fuq bajjiet kif ukoll fil-baħar. Nafu li aktar familji jixtiequ jgħixu b'mod iktar sostenibbli u japprezzaw il-valur tal-konservazzjoni tal-ilma. Għalhekk, ridna nippreżentaw skemi li jinkoraġġixxu t-transizzjoni lejn prattiċi sostenibbli fil-ħajja tagħna ta' kuljum,” qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt din it-tnedija.
Il-Ministru Dalli spjegat li dawn l-iskemi huma applikabbli għas-sistemi kollha disponibbli fis-suq, inkluż kemm is-sistemi tal-filtrazzjoni tal-ilma kif ukoll ir-reverse osmosis. Huwa stmat li l-użu tal-iskema se jirriżulta fi tnaqqis ta’ madwar tliet miljun flixkun tal-plastik kull sena. Dan se jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ Malta bħala parti mis-single-use plastic strategy kif ukoll parti mill-waste management plan u t-tnaqqis tal-iskart.
Peress li l-carbon footprint hija ġġenerata wkoll bil-produzzjoni u t-trasport meħtieġa biex jiġu pprovduti fliexken tal-plastik u oġġetti oħra tal-plastik li jintużaw darba biss, anqas konsum ta’ dan il-materjal jwassal għal tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-carbon footprint.
Għal aktar informazzjoni dwar l-iskema ‘Be Water Smart’ żur servizz.gov.mt jew ċempel 153.
Stqarrijiet Oħra:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937