Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Inwettqu Flimkien: Persuni b’diżabilità jtemmu b’suċċess programm ta’ taħriġ mis-servizz Way to Work

pr230533
Date Icon 14/04/2023

Grupp ta' 11-il persuna, seba' rġiel u erba' nisa, li l-età tagħhom tvarja minn 17 sa 44 sena, huma l-ewwel grupp ta' persuni b'diżabilità li temmew b'suċċess programm ta' taħriġ offrut mis-servizz Way to Work fi ħdan Aġenzija Sapport. It-tqassim taċ-ċertifikati lill-parteċipanti sar mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

Wara s-suċċess ta' dan l-ewwel grupp, Aġenzija Sapport ħabbret ukoll li l-programm Way to Work ser ikun qed jiġi offrut f'Għawdex, għall-persuni b'diżabilità Għawdxin.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fakkret li din hi wegħda elettorali u tappa oħra fil-mixja ta' persuni b'diżabilità lejn titjib fil-kwalità ta' ħajjithom. Dan għax programm bħal dan iqarribhom aktar lejn id-dinja tax-xogħol.

“Ix-xogħol isaħħaħ id-dinjità tal-persuna konċernata għaliex jirrendi indipendenza lill-individwu konċernat. Qegħdin inkomplu l-ħidma tagħna biex nillimitaw kemm nistgħu l-iżvantaġġ li persuna jista' jkollha biex tidħol fid-dinja tax-xogħol. Is-servizz Way to Work huwa biss ħolqa f'katina ta' servizzi u inizjattivi li ħadna u se nkomplu nieħdu biex nassiguraw li jkun implimentat il-prinċipju li kulħadd, irrelevanti mill-abbiltà tiegħu, għandu dritt għax-xogħol," saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija temmet tgħid li l-Gvern se jkompli jieħu inizjattivi biex jinkoraġġixxi kemm lil min iħaddem kif ukoll lil persuni b'diżabilità, biex jitwarrab il-preġudizzju li jista' jkun hemm fejn jirrigwarda xogħol lil persuni b'diżabilità.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Sapport Oliver Scicluna saħaq fuq l-importanza ta' taħriġ bħal dan għax ikompli jsaħħaħ l-abbiltajiet ta' persuni b'diżabilità u jwassalhom sabiex ikunu iktar indipendenti. “Dan it-taħriġ ikompli jibni fuq is-suċċessi tal-proġett INK u nkomplu naraw interess minn persuni b'diżabilità li jagħmlu sforz attiv sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Ix-xogħol mhux biss jagħti dinjità lill-persuni b'diżabilità imma jagħtihom ukoll l-għodda sabiex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu fil-komunità b'mod indipendenti," tenna s-Sur Scicluna.

Matul din l-attività tkellmet ukoll Shianne Borg, waħda mill-parteċipanti ta' Way to Work li temmet b'suċċess it-taħriġ tagħha. Hija qasmet l-esperjenza tagħha fejn iddeskrivietha bħala waħda pożittiva u li grazzi għal din l-esperjenza saħħet l-abbiltajiet tagħha, speċjalment permezz tas-sessjonijiet prattiċi u żjarat fuq postijiet differenti fuq il-post tax-xogħol. Hija għalqet b'messaġġ ta' inkoraġġiment lejn oħrajn sabiex jidħlu għal din l-esperjenza li twassalhom għal aktar opportunitajiet.

Il-programm ta' taħriġ sar bejn Ottubru 2022 u Marzu li għadda. Is-sessjonijiet ta' taħriġ kienu jinkludu, fost oħrajn, id-dinamika bejn kollegi, etika fuq il-post tax-xogħol, immaniġġjar tal-flus, l-ewwel għajnuna, food handling, preparazzjoni għax-xogħol u l-użu tat-teknoloġija. Il-pass li jmiss għal dan il-grupp huwa t-tfittxija għal impjieg permezz ta' kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Lino Spiteri u bl-assistenza tal-Job Coach tagħhom mis-servizz Way to Work.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Inwettqu Flimkien: Persuni b’diżabilità jtemmu b’suċċess programm ta’ taħriġ mis-servizz Way to Work
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Inwettqu Flimkien: Persuni b’diżabilità jtemmu b’suċċess programm ta’ taħriġ mis-servizz Way to Work
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Inwettqu Flimkien: Persuni b’diżabilità jtemmu b’suċċess programm ta’ taħriġ mis-servizz Way to Work
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Inwettqu Flimkien: Persuni b’diżabilità jtemmu b’suċċess programm ta’ taħriġ mis-servizz Way to Work
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

PR261938

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirre...

Aktar Stqarrijiet Right arrow