Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX INWETTQU FLIMKIEN: Inawgurati 56 e-bikes sabiex jintużaw mir-residenti Għawdxin, fost aktar proġetti tal-Aġenzija LESA f’Għawdex

PR230525
Date Icon 13/04/2023

Ir-residenti Għawdxin jistgħu jibdew jagħmlu użu minn 56 e-bike li nxtraw mill-Aġenzija LESA u l-Kunsill Reġjonali għal Għawdex. Dawn l-e-bikes inkisbu b'investiment ta' €82,000, li €65,000 minnhom tħallsu mill-Aġenzija LESA.

L-inawgurazzjoni ta' dawn l-e-bikes saret f'Marsalforn u għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-President tar-Reġjun ta' Għawdex Samuel Azzopardi, u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA Svetlick Flores.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li permezz ta' dawn il-proġetti qed naraw aktar ħidma tanġibbli mill-aġenzija LESA fil-lokalitajiet ta' Għawdex. Spjega li dan imur id f'id mal-istrateġija tal-istess aġenzija, li tinvesti l-flus miġbura miċ-ċitazzjonijiet fi proġetti li jaqdu lir-residenti. Huwa tenna li r-reġjun ta' Għawdex huwa eżempju ċar tal-ħidma kordinata li qed issir bejn ir-reġjuni, il-kunsilli u l-aġenzija LESA.

“Dan huwa wieħed mill-isbaħ proġetti li saru minn dan il-fond fejn numru ta' ċittadini Għawdxin, primarjament żgħażagħ, qed jiġu pprovduti trasport alternattiv fil-gżira Għawdxija. Apparti l-ħidma sabiex ikun hemm l-ordni fil-lokalitajiet, permezz tal-flus li jinġabru minn dawk li jabbużaw mil-liġi qed isiru proġetti li minnhom jibbenefikaw ir-residenti tal-lokalitajiet diversi, f'dan il-każ dawk Għawdxin," tenna l-Ministru Camilleri.

Huwa għamel referenza wkoll għall-kameras tas-sigurtà li ġew installati tul ix-xatt ta' Marsalforn, fejn spjega li dawn il-kameras se jkunu qed jgħinu lill-Pulizija sabiex tissaħħaħ is-sigurtà f'din il-lokalità.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dan il-Gvern għandu viżjoni għal pajjiż b'arja aktar nadifa u għalhekk permezz ta' dawn l-e-bikes qegħdin ukoll noffru trasport alternattiv lir-residenti Għawdxin mingħajr emissjonijiet u li jkun ideali għal vjaġġi ta' distanza qasira fil-gżira Għawdxija."

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar il-ħidma li qed issir, b'kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, sabiex tiżdied is-sigurtà, anke permezz ta' installazzjoni ta' sistema ta' kameras tas-sigurtà, fosthom f'Marsalforn.

Il-President tar-Reġjun Għawdex Samuel Azzopardi qal li “Proġetti bħal dan huma parti mill-istrateġija tal-Kunsill Reġjonali Għawdex biex inkomplu nrawmu kultura u stil ta' ħajja f'Għawdex li tpoġġi l-ewwel lill-ambjent, sabiex inħallu Għawdex aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin."

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, qal li sa mit-twaqqaf tagħha  l-aġenzija dejjem emmnet li l-flus ġenerati miċ-ċitazzjonijiet għandhom jerġgħu jiġu investiti lura fil-komunitajiet. “Permezz ta' skema maħruġa għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali qed naraw illi jitwettqu diversi proġetti li minnhom tgawdi s-soċjetà," temm jgħid is-Sur Flores.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX INWETTQU FLIMKIEN: Inawgurati 56 e-bikes sabiex jintużaw mir-residenti Għawdxin, fost aktar proġetti tal-Aġenzija LESA f’Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX INWETTQU FLIMKIEN: Inawgurati 56 e-bikes sabiex jintużaw mir-residenti Għawdxin, fost aktar proġetti tal-Aġenzija LESA f’Għawdex
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

PR261938

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirre...

Aktar Stqarrijiet Right arrow