STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Skema ta’ restawr għal bastimenti tradizzjonali tas-sajd
Għall-ħames sena konsekuttiva, il-Gvern permezz tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, nieda skema ta’ restawr biex jinvesti fil-flotta tas-sajd tradizzjonali Maltija.
Din hija skema fejn madwar 215-il sajjied ser jibbenefikaw minn massimu ta’ €2,700 f’fondi lura, wara li jkunu għamlu l-manutenzjoni meħtieġa u ħadmu b’mod professjonali fuq dawn il-bastimenti tradizzjonali tas-sajd.
Dan l-investiment qed jikkontribwixxi wkoll biex ikompli jixpruna t-turiżmu fiż-żoni tal-port, hekk kif dawn id-dgħajjes għandhom valur kulturali li jiġġenera interess fost it-turisti li jżuru pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said spjegat kif l-istorja tas-sajd f’pajjiżna nbniet fuq l-użu ta’ dawn il-bastimenti tradizzjonali u li dawn il-bastimenti mhumiex biss għodda essenzjali għal mijiet ta’ sajjieda f’pajjiżna iżda “huma wkoll parti integrali mit-tessut storiku, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna; element li jeħtieġ inkomplu ninvestu fih.”
“Nemmnu wkoll li dawn id-dgħajjes m’għandhomx biss jiġu ppreservati u jinżammu fuq l-art. Bħal kull dgħajsa oħra, m’hemmx post isbaħ għal-luzzu u għall-kajjikk milli fil-baħar, użati ta’ kuljum mis-sajjieda ħabrieka tagħna,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
L-applikazzjoni ntbagħtu bil-posta lis-sajjieda rreġistrati bħala MFA jew MFB u li għandhom dgħajsa tal-injam, taħt il-kategorija ta’ luzzu, firilla, frejgatina u kajjik. L-għajnuna li se tingħata hija relatata mal-materjal li jinxtara biex jirrestawraw dawn it-tip ta’ dgħajjes.
Dawn il-Formoli tal-Applikazzjoni għandhom jintbagħtu bil-posta u jiġu indirizzati lil Projects Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura bejn l-24 ta’ April u t-8 ta’ Mejju 2023. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu bil-posta f’diversi uffiċini tal-ħatt madwar Malta u Għawdex sad-data indikata.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema wieħed jista’ jikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura billi jċempel fuq 23397113/23397118.
Stqarrijiet Oħra:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938