Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inwettqu Flimkien – Aktar għajnuna diretta għar-raħħala Maltin u Għawdxin

pr230493
Date Icon 05/04/2023

Il-Gvern nieda skema t’għajnuna oħra għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin, b’investiment ta’ €2.2 miljun, taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. 

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, fejn ġie spjegat kif l-iskema finanzjarja se sservi t’għajnuna lil dawk li jaħdmu fis-settur tal-ħalib, taċ-ċanga, tan-nagħaġ kif ukoll tal-mogħoż. Dan qed isir bil-għan li jittaffew l-effetti taż-żieda fil-prezz tal-għalf minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.

Din l-iskema se tibqa’ applikabbli sal-15 ta’ Ottubru 2023 u hija intiża għar-raħħala tal-bovini, ovini, u kaprini li għandhom l-irziezet tagħhom irreġistrati f’Malta. Dan filwaqt li r-raħħala għandhom jibqgħu attivi matul l-2023. Il-ħlasijiet ser jiġu kkalkulati skont kriterji stabbiliti, liema ħlasijiet se jsiru għal perjodu ta’ sentejn sa massimu ta’ €15,000.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq kif il-Gvern għal darb’oħra ħadem biex itaffi mill-piżijiet li x-xena internazzjonali ġabet magħha f’dan il-qasam tant importanti f’pajjiżna u għalhekk il-Gvern qed jerġa’ jżomm kelmtu mar-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin. Huwa spjega kif l-għalf huwa element essenzjali fin-nutrizzjoni tal-annimali u għaldaqstant, il-Ministeru wettaq analiżi dwar l-impatt tal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-għalf fuq is-settur tal-annimali. Dan l-analiżi wera kif l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-prezzijiet tat-tiben u tal-ħuxlief niexef, li huma tnejn mill-komponenti l-aktar użati għall-għalf, wasslu għal żidiet ta’ madwar 36% u 41% rispettivament fl-2022 meta mqabbel mal-2021.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega li bl-għajnuna tal-Fond Agrikolu Ewropew ser naraw allokazzjoni finanzjarja ta’ aktar minn €2 miljun biex tgħin lis-settur agrikolu quddiem l-isfidi u r-realtajiet globali. “Aħna kommessi li nkomplu ninvestu fis-settur agrikolu anki bil-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta 2023-2027 li fih hemm allokat investiment ta’ €166 miljun, li se jkompli jolqot b’mod pożittiv lis-settur u lir-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin”, qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.

Il-Ministru Anton Refalo temm jgħid li dan l-investiment huwa wieħed min-numru ta’ investimenti oħra li matul din l-aħħar sena għenu b’mod dirett lir-raħħala Maltin u Għawdxin. Il-Ministru għamel referenza għal diversi skemi oħra li ġew imħabbra f’din l-ewwel sena ta’ dan il-Gvern, fosthom: Eko-skemi u Impenji Agri, Ambjentali Klimatiċi, skema ta’ vouchers għall-fertilizzanti permezz ta’ fondi nazzjonali, għajnuna fir-rigward tal-bagħal taż-żunżan, għajnuna diretta lin-naħħala li kienu reġistrati sal-aħħar tas-sena 2022, u appoġġ għall-introjtu u għall-bdiewa fis-settur tat-tadam.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inwettqu Flimkien – Aktar għajnuna diretta għar-raħħala Maltin u Għawdxin
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inwettqu Flimkien – Aktar għajnuna diretta għar-raħħala Maltin u Għawdxin
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow