STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta taqsam l-esperjenzi tagħha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda mal-Iżvizzera
Matul laqgħa uffiċjali fl-Iżvizzera, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qasam l-esperjenzi li kiseb pajjiżna matul il-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fi Frar li għadda flimkien mal-Iżvizzera. L-Iżvizzera huwa l-unika pajjiż mill-kontinent Ewropew, apparti Malta, li ġie elett f'dan il-Kunsill għal matul it-terminu 2023-2024. Il-Ministru Borg, matul laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżvizzera Ignazio Cassis sostna kif Malta trid li tibqa' tkun sieħeb onest favur il-paċi u s-sigurtà.
Fid-dawl li f'Mejju li ġej l-Iżvizzera tieħu l-Presidenza tal-Kunsill, id-diskussjoni kienet waħda sabiex jibqa' jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Tul din il-laqgħa l-Iżvizzera wkoll ippreżentat il-prijoritajiet tagħha għal dan it-terminu.
Waqt il-laqgħa bilaterali ġew diskussi wkoll ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. “Wara li ksibna aktar minn €3.5miljun f'fondi mill-Iżvizzera lejn tmiem is-sena li għaddiet biex insaħħu s-settur tas-saħħa, illum qed inħarsu li nkomplu nkabbru l-potenzjal turistiku qawwi li jeżisti bejn iż-żewġ pajjiżi," saħaq il-Ministru Ian Borg. Huwa kompli jgħid kif Malta hija magħrufa ferm fl-Iżvizzera bħala waħda mill-aqwa destinazzjonijiet għat-tagħlim tal-lingwa Ingliża u b'hekk din il-kollaborazzjoni għandha tkompli tissaħħaħ.
Iż-żewġ ministri ddiskutew ukoll il-Fondazzjoni Diplo, li hija NGO konġunta bejn iż-żewġ pajjiżi li taħdem fuq politika għal stati żgħar u dawk li qed jiżviluppaw. Kemm Malta u anke l-Iżvizzera komplew juru l-impenn tagħhom sabiex din tkompli tissaħħaħ u tkun strumentali fit-tfassil tal-politika barranija.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżvizzera Ignazio Cassis faħħar lil pajjiżna għal kif mexxiet il-Presidenza tagħha fi Frar li għadda u jħares 'il quddiem li bħala pajjiż ikomplu jaħdmu fuq it-tajjeb li sar matul ix-xahar li ġej. Huwa sostna kif l-Iżvizzera se tiffoka fuq is-suġġett ta' paċi sostenibbli u li bħal Malta, l-Iżvizzera huwa pajjiż newtrali.
Ġew diskussi wkoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, ir-rwol tan-nisa għall-paċi u s-sigurtà, it-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni u r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera.
Stqarrijiet Oħra:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en