Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA INWETTQU FLIMKIEN: Fi 12-il xahar, il-Malta Enterprise tapprova 103 proġett b’investiment ta’ €75 miljun

pr230483
Date Icon 03/04/2023

103 proġett lokali u ta’ investiment dirett barrani li se joħolqu iktar minn 1,000 karriera ġdida

Fl-aħħar 12-il xahar, il-Malta Enterprise approvat 103 proġett lokali jew ta’ investiment dirett barrani li flimkien ser ifissru €75 miljun f’investiment ġdid fl-ekonomija Maltija. It-twettiq ta’ dawn il-proġetti se jfisser il-ħolqien ta’ aktar minn 1,000 karriera ġdida.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, u mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, waqt żjara fuq is-sit ta’ Torrent Pharma f’Ħal Far, kumpanija ġdida fil-qasam tal-farmaċewtika li f’Marzu tas-sena l-oħra ħabbret li ser tiftaħ il-bażi tagħha għall-operat fl-Unjoni Ewropea, f’pajjiżna b’investiment ta’ €22 miljun.

Fi ftit xhur minn mindu ħabbret li ser tinvesti f’Malta, din il-kumpanija diġà wettqet 30 fil-mija tax-xogħol tagħha fuq il-faċilità li minnha Torrent Pharma se tirrilaxxa miljuni ta’ prodotti mediċinali fis-sena għas-suq Ewropew.

“L-investiment minn Torrent Pharma Malta huwa biss wieħed mill-investimenti ta’ kwalità li kburin li qed nattiraw lejn pajjiżna. Dan il-proġett multimiljunarju huwa eżempju ieħor tal-kwalità tal-investimenti li nfittxu għal Malta u Għawdex. Grazzi għall-Malta Enterprise, fl-aħħar 12-il xahar ġew approvati €75 miljun f’investiment minn kumpaniji Maltin u barranin,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Spjegat li l-gvern qed jaħdem biex jiffaċilita l-investiment minn kumpaniji Maltin u barranin, biex jinħolqu postijiet tax-xogħol ta’ kwalità u li joffru wkoll liż-żgħażagħ karriera ta’ kwalità.

“Il-viżjoni tagħna hi li nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija ta’ pajjiżna u nattiraw lil dawk il-kumpaniji fil-bijoteknoloġija, teknoloġija medika u farmaċewtika, dawk f’setturi diġitali bħal AI u VR u dawk li joperaw fl-ekonomija blu u ħadra.”

Dwar dan tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia. “Iċ-ċifra tal-investiment approvat hija waħda b’saħħitha, daqskemm huma importanti ċ-ċifri ta’ 1,000 impjieg ġdid. Karrieri li se jkunu qed jinħolqu fi professjonijiet u oqsma varji, minn xjentisti fil-laboratorji, għal speċjalisti tal-intelliġenza artifiċjali, minn dawk li jiktbu l-code għal-logħob diġitali għal dawk li qed jaħdmu fuq robots li jintużaw fil-marittimu.”

Kruċjali għall-attrazzjoni ta’ dawn l-investimenti huma skemi varji mħaddma minn Malta Enterprise, bħal Bstart, Startup Finance, INVEST, Microinvest u l-iskema Smart and Sustainable, fost l-oħrajn.

Intant, il-Viċi President ta’ Torrent International, Amul Agrawal, irringrazzja lill-Gvern Malti, lill-Malta Enterprise u lill-awtoritajiet regolatorji f’pajjiżna għall-impenn tagħhom biex dan l-investiment qed isir realtà.

“F’isem il-maniġment ta’ Torrent, nixtiequ nirringrazzjaw lill-Gvern Malti li laqagħna f’pajjiżu. Impressjonati bis-sapport li rċivejna mingħand l-Awtorità tal-Mediċina Maltija u minn Malta Enterprise. Kunfidenti li l-operat f’Malta se jikkontribwixxi bi sħiħ lejn it-tkabbir ta’ Torrent fl-Ewropa, u nħarsu ’l quddiem biex nagħmlu f’Malta ċ-ċentru tal-operat tagħna fl-Ewropa,” qal il-Viċi President Amul Agrawal. 

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-Direttur Maniġerjali ta’ Torrent Pharma Malta, Frederick Schembri, li qal li, “Il-proġett ta’ Torrent Malta qed jagħti rikonoxximent lit-talent lokali. Għalhekk huwa verament proġett Malti, b’periti, b’inġiniera u b’ħaddiema lokali li huma involuti f’kull stadju tal-proġett. Id-disinn huwa wieħed uniku u innovattiv għall-industrija tal-manifattura Maltija fejn iħares lejn is-sostenibbiltà bi ħsieb, lejn il-vertikalizzazzjoni. Fi spazju ta’ 3,800 metru kwadru qed nibnu bejn wieħed u ieħor 9,000 metru kwadru ta’ faċilità, fejn b’hekk qed nużaw l-ispazju kollu tal-art.”

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA INWETTQU FLIMKIEN: Fi 12-il xahar, il-Malta Enterprise tapprova 103 proġett b’investiment ta’ €75 miljun
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA INWETTQU FLIMKIEN: Fi 12-il xahar, il-Malta Enterprise tapprova 103 proġett b’investiment ta’ €75 miljun
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow