STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT; Il-President George Vella jħeġġeġ lill-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet regolatorji oħra biex ikunu aġenti tal-bidla
Il-President ta' Malta, George Vella, appella lill-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet regolatorji oħra biex ikunu aġenti tal-bidla u biex jipprovdu soluzzjonijiet għall-istat attwali tal-ambjent. “Jekk hemm bżonn, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet radikali sabiex jitwaqqfu l-prattiki li mhumiex iwasslu għar-riżultati mixtieqa. Dan jeħtieġ li jibda minnufih," qal il-President waqt li kien qiegħed jindirizza r-4 edizzjoni tal-Malta Architecture and Spatial Planning (MASP) Awards organizzati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-President Vella qal li qegħdin naraw tiżviluppa “kolliżjoni inkwetanti u perikoluża ta' żewġ xejriet" li qegħdin jaħdmu kontra xulxin: l-isforzi ta' grupp imdaqqas ta' timijiet interdixxiplinari li joħolqu l-eċċellenza u grupp ferm akbar ta' periti u inġiniera li qegħdin sempliċiment jikkontribwixxu għal firxa dejjem akbar ta' bini impersonali u bla ruħ li qed jieħu l-ispazji miftuħa disponibbli kollha. Il-President innota li Għawdex huwa eżempju ċar ta' dan l-iżvilupp żejjed u wissa li l-bini ikrah eventwalment se jwassal għal effett negattiv fuq it-turiżmu u fuq il-komunitajiet żgħar tagħna, li bil-mod il-mod qegħdin jitilfu s-sens ta' identità tagħhom. Meta wieħed ma jkollux viżjoni fit-tul, qal il-President, dan jista' jagħmel ħsara lill-pajjiżna b'mod li ma jissewwiex.
Il-President Vella laqa' l-leġiżlazzjoni reċenti li tiżgura aktar kompetenzi u kontrolli tal-kumpaniji tal-bini u tintroduċi aktar għarfien dwar il-bżonn ta' aktar sigurtà għall-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni nfushom. Madankollu, qal li jrid jiġi żgurat l-infurzar f'kull livell, speċjalment biex jiġi evitat li nerġgħu nesperjenzaw avvenimenti traġiċi ta' vittmi ta' binjiet li jaqgħu minħabba xogħol mhux tajjeb jew b'riżultat dirett ta' prattiki tax-xogħol mhux ikkontrollati fis-siti tal-bini li jmissu mad-djar tan-nies.
Fir-rigward tal-proġetti nnominati għall-MASP Awards, il-President qal li wieħed jagħmel il-qalb jara li fejn hemm ir-rieda, kapaċi ferm noħolqu proġetti siguri, funzjonali u li jpaxxu 'l-għajnejn. “Ħadt gost ninnota li ġew ikkunsidrati l-materjali b'impronta baxxa tal-karbonju u l-miżuri ambjentali għall-kategoriji kollha ppremjati llejla. Interessawni b'mod partikolari l-proġetti ta' spazji miftuħa pubbliċi li joħolqu żoni mħaddra siguri għall-pubbliku fl-irħula tagħna li għandhom densità għolja ta' bini. Ta' min wieħed ifaħħar ukoll ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta' ġonna storiċi għal dan l-istess skop. Dawn il-postijiet jgħinu jerġgħu jistabbilixxu l-benesseri tal-individwu", irrimarka l-President Vella.
Fid-diskors tiegħu, il-President Vella sellem il-memorja tal-Perit Martin Xuereb, li huwa magħruf għax-xogħlijiet importanti tiegħu fi proġetti arkitettoniċi madwar Malta u Għawdex, kif ukoll f'ħafna pajjiżi oħra, u ħeġġeġ lill-professjonisti żgħażagħ jieħdu ispirazzjoni mix-xogħlijiet tiegħu u jaspiraw li jwettqu proġetti tal-ogħla standards kif għamel hu.
Il-President ippreżenta l-Premju tal-President lill-Perit Conrad Thake.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en