STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ 30 sena ta’ relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom mal-Armenja
“Sa mill-1993, f’dawn it-30 sena, ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Armenja kienu eċċellenti, iżda nħossu li hemm bżonn inkomplu nintensifikawhom”, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja f’pajjiżna, Ararat Mirzoyan.
Matul il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ temi li permezz ta’ kooperazzjoni effettiva fihom, iż-żewġ pajjiżi u l-popli rispettivi jistgħu jibbenefikaw. Il-Ministru Borg qal li Malta hija impenjata li tkompli tipprovdi assistenza u tiffaċilita sabiex ikun possibbli li jsir aktar negozju bejn iż-żewġ pajjiżi, minkejja l-isfidi li jeżistu. Huwa kompla jgħid li ż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jesploraw il-possibbiltà ta’ aktar kooperazzjoni fis-settur tat-teknoloġija informatika, l-enerġija solari, l-edukazzjoni u t-tagħlim tal-Ingliż.
Il-Ministru Borg qal li jħares ’il quddiem ukoll biex jiġi finalizzat il-ftehim dwar id-diġitalizzazzjoni filwaqt li jkomplu jsiru aktar konsultazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja Ararat Mirzoyan esprima ringrazzjament tal-ospitalità li rċieva f’pajjiżna. Saħaq li huwa ta’ unur għalih, bħala l-ewwel Ministru tal-Affarijiet Barranin Armen, li żar pajjiżna sabiex jieħu sehem f’diskussjonijiet bilaterali uffiċjali. Huwa stieden b’mod uffiċjali lill-Ministru Ian Borg sabiex iżur l-Armenja fejn jistgħu jitkomplew aktar id-diskussjonijiet anke fuq bosta affarijiet simboliċi li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi filwaqt li saħaq li jħares ’il quddiem li jkompli jibni u jsaħħaħ fuq dak li diġà hemm.
Il-laqgħa kompliet ukoll b’diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Armenja, il-gwerra fl-Ukrajna, is-siġġu ta’ Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-impenn ta’ Malta li tikkollabora aktar mal-Armenja fil-kuntest tal-OSCE.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en