IL-GVERN U L-MANIĠMENT TAL-AIR MALTA FFUKATI LI TINKISEB VIJABBILITÀ KUMMERĊJALI GHAL-LINJA NAZZJONALI TAL-AJRU
Il-Gvern u l-Maniġment tal-linja nazzjonali Air Malta huma ffukati li jilħqu l-miri mniżżla fil-pjan ta’ ristrutturar li l-Gvern preċedenti ppreżenta lill-Kummissjoni Ewropea fl-2012. Kif ikkonfermat mill-Prim Ministru u l-Ministru Edward Zammit Lewis huwa fuq is-suċċess ta’ dan il-pjan li se jara lill-Air Malta tasal biex tagħmel il-qliegħ u ssir kummerċjalment vijabbli sal-2016.
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mix-Shadow Minister, id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, ħareg ċar li l-kelliema tal-PN ma jafux il-fatti bażiċi dwar il-linja tal-ajru nazzjonali, aħseb u ara kemm qegħdin f’pożizzjoni li xi darba jerġgħu jkunu politikament responsabbli għaliha.
Il-Ministru għat-Turiżmu jinnota li meta Robert Arrigo ġie mistoqsi minn ġurnalista dwar fatti bażici bħal x’kien id-dejn tal-Air Malta taħt Gvern Nazzjonalista, ix-Shadow Minister ma kienx jaf jirrispondi. Robert Arrigo, li tkellem fit-tul dwar il-ħaddiema u l-maniġment tal-Air Malta, lanqas kien jaf li minn nhar it-Tnejn li għadda daħal ic-CEO il-ġdid fl-Air Malta, is-Sur Philip Micallef.
Il-Ministru jikkonkludi li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda kredenzjali biex jitkellem dwar l-Air Malta, kif ukoll fuq l-isforzi tal-Gvern, tal-Bord tad-Diretturi, tas-CEO il-ġdid Philip Micallef, il-maniġment u l-impjegati. L-objettivi tal-Gvern għall-Air Malta se jkunu tlieta: 1) li sas-sena 2016 l-Air Malta timxi b’mod sħiħ mal-pjan tar-ristrutturar; 2) li jibqa’ għaddej it-tisħiħ tal-maniġment; u 3) li l-Air Malta ssir kumpanija kummerċjali vijabbli u sostenibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045