IL-GVERN LLUM VARA L-ISTRATEĠIJA NAZZJONALI TAL-ECOMMERCE
Waqt forum nazzjonali li għalih kien hemm preżenti l-istake holders ewlenin, aktar kmieni llum is-Segretarju Parlamentari José Herrera vara l-istrateġija nazzjonali tal-eCommerce. Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li permezz ta’ din l-istrateġija l-Gvern qed jibgħat sinjal ċar li jemmen f’ekonomija diġitali. Huwa qal li din l-istrateġija nazzjonali ser iservi ta’ gwida għas-sebgħa snin li ġejjin. Is-Segretarju Parlamentari José Herrera ħabbar lista ta’ inizjattivi li ser ikunu qegħdin jittieħdu biex jinċentiva lin-negozjant Malti jagħmel użu mill-kummerċ permezz tat-teknoloġija u l-internet.
Filwaqt li ħames snin ilu 34% tal-Maltin kienu jużaw l-internet biex jixtru llum din iċ-ċifra telgħet għal 54%, li jfisser żieda ta’ kwazi għoxrin fil-mija tal-Maltin li jużaw l-ecommerce. Bl-istess mod qed tikber ukoll in-nefqa tal-Maltin li jużaw l-internet biex jixtru bl-aħħar ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jgħidu li madwar €40 miljun intefqu mill-Maltin fuq xiri bl-internet. Madanakollu skont statistika tal-eurostat fl-2013, 7% biss tal-Maltin jixtru minn siti lokali. Din iċ-ċifra hija primarjament dovuta għan-nuqqas ta’ preżenza mill-businessman lokali li jbiegħ fuq l-internet, tenna s-Segretarju Parlamentari. Huwa qal 12% biss tal-kumpaniji Maltin kienu jinsabu fuq l-internet fl-2013.
L-inizjattivi mħabbra waqr l-ecommerce forum huma:
1. BLINK – Direttorju għan-negozji żgħar u medji biex dawn jibdew ibiegħu online;
2. Pjan t’azzjoni biex is-snajja f’pajjiżna jibbenefikaw mill-eCommerce;
3. Studju dettaljat tal-użu tat-teknoloġija mill-industrija tat-turizmu u l-ospitalita’ f’pajjiżna;
4. Laqgħat ta’ informazzjoni mal-pubbliku dwar l-użu tal-ecommerce;
5. Għajnuna lill-komunita’ kummerċjali biex ifasslu strateġiji online mmirati lejn setturi ffukati fosthom permezz ta’ helpdesk u support services.
6. Audit kits, mentorship programmes u seminars ghall-kumpaniji żgħar u medji.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn l-inizjattivi huma primarjament imsejsa biex jgħinu lin-negozjant Malti ta’ daqs zgħir u medju biex in-negozju tiegħu ikun aċċesibli biżejjed għal dan it-tip ta’ kummerċ. Huwa qal li xiri online kull ma jmur qed dejjem jikber u għalhekk qed jikbru ukoll l-opportunitajiet għan-negozjant Malti li jkun żball għalih jekk ma jagħrafx is-sinjali tal-mument. “Il-Gvern permezz tal-entita regolatorja qed jagħmlu minn kollox biex jagħtu l-għajnuna tagħhom lin-negozjant Malti biex jagħraf is-sinjali taż-żminijiet u huwa ukoll jaghmel is-servizzi tiegħu aċċessibli ghal kummerċ online”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li l-istrateġija għas-sebgħa snin li ġejjin toħrog mid-Digital Malta Strateġija li giet varata aktar kmieni din is-sena. Fakkar li din is-sena ukoll l-Gvern kien diġa vara dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-kummerċ online u dak li qed isir illum huwa propju reazzjoni għal dak ingħad u ġie miġbur mingħand in-nies li pparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni.
“Nemmnu li f’dan is-settur hemm bosta opportunitajiet ta’ investiment li wieħed jista jieħu u l-istrateġija li qed tiġi varata llum tipprovdi l-għodda neccesarja għat-tkattir tal-attivita’ ekonomika fil-pajjiż”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari José Herrera.
Il-forum ta’ dalgħodu organizzat mill-MCA ra l-parteċipazzjoni taċ-Chairman tal-MCA Dr Edward Woods, Denise Borda li tat ħarsa fid-dettal tal-istrateġija u preżentat ir-riżultati ta’ studju li għamlet l-awtorita fl-aħħar xhur u Dr Robert Attard minn EY Malta li għamel rappreżentazzjoni dettaljata tal-bidliet li fi ħsiebhom jidħlu fis-seħħ mis-sena d-dieħla dwar il-VAT.
Mill-istħarriġ li għamlet l-MCA jirriżulta li din is-sena 54% tal-Maltin użaw l-internet biex jixtru jew iħallsu għal xi prodott inkella servizz. Kwazi nofs ta’ dawk li qalu li jixtru online jagħmlu hekk minn tal-inqas darba f’xahar. 91% ta’ dawk li użaw l-internet biex jixtru xtraw minn siti bbazati l-Ingilterra. Ħwejjeg u żraben huma l-aktar prodotti li inxtraw online minn siti bbażati barra l-pajjiż. Dawk li xtraw minn siti bbażati f’malta semmew l-Airmalta u l-Maltapark bħala l-aktar website popolari. Dan huwa rifless mill-fatt li xiri tal-biljetti tal-ajru huma l-aktar popolari mal-Maltin li jixtru minn websites bbażati f’Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045