EKOGĦAWDEX ĠIE MAGĦŻUL BĦALA ENTITÀ TA' EĊĊELLENZA NAZZJONALI FIL-EUROPEAN BUSINESS AWARDS
EkoGħawdex ġie magħżul bħala entità ta' Eċċellenza Nazzjonali fil-European Business Awards; kompetizzjoni prestiġjuża appoġġjata minn mexxejja tan-negozju, akkademiċi, il-media u rappreżentanti politiċi minn madwar l-Ewropa u sponsorjata minn RSM International. Il-prinċipji li tirrikonoxxi din il-kompetizzjoni huma l-Innovazzjoni, l-Etika u s-Suċċess Finanzjarju.
Din hija t-tmien sena li fiha qed jingħataw il-European Business Awards u din is-sena pparteċipaw aktar minn 24,000 negozju minn 33 pajjiż Ewropew. Minn dawn, 709 kumpaniji ġew innominati bħala Entitajiet ta' Eċċellenza Nazzjonali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Dawn il-kumpaniji issa huma eliġibbli li jgħaddu għat-tieni fażi ta’ din il-kompetizzjoni.
L-organizzaturi tal-European Business Awards kienu partikolarment impressjonati bis-suċċess li ekoGħawdex kiseb bil-ħidma tiegħu fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali u korporattiva. Barra minn hekk, l-organizzaturi faħħru l-ħidma li ekoGħawdex qed iwettaq għall-ġid tal-komunità Għawdxija. Fid-dawl ta' dan ekoGħawdex ġie magħżul biex jikkompeti fil-kategorija tas-Sostenibbiltà Ambjentali u Korporattiva.
Il-Premju għas-Sostenibbiltà Ambjentali u Korporattiva jevalwa l-operazzjonijiet tan-negozju f'kuntest soċjali, kulturali, ekonomiku u ambjentali. In-nominati jħaddnu bħala valuri prinċipali tagħhom kwistjonijiet marbutin mal-konsumatur, mal-impjegati u mal-ekoloġija. L-aħjar prattiki f'dan ir-rigward iħarsu lil hinn mir-rekwiżiti leġiżlattivi u jistinkaw biex itejbu l-kredenzjali ekoloġiċi ta' kumpanija permezz ta' innovazzjoni u modernizzazzjoni b'kuxjenza morali. Dan il-premju jirrikonoxxi negozji li implimentaw u evolvew dawn il-prattiki b'mod kuxjenzuż.
Aħna kburin ħafna li ekoGħawdex ġie magħżul biex jirrappreżenta lil Malta bħala Entità ta' Eċċellenza Nazzjonali. Il-European Business Awards huma rikonoxxuti b'mod wiesa' bħala l-pjattaforma għall-kumpaniji l-aktar dinamiċi tal-Ewropa. Ninsabu ħerqanin biex fil-fażi li jmiss ta' evalwazzjoni nispjegaw f’iktar dettall kif qegħdin nilħqu l-għanijiet tagħna.
Adrian Tripp, is-CEO tal-European Business Awards estenda l-awguri tiegħu lil ekoGħawdex għall-fażi ta' evalwazzjoni li jmiss. Huwa qal li l-għażla ta' ekoGħawdex bħala Entità ta' Eċċellenza Nazzjonali diġà hija kisba prestiġjuża ferm għal din l-organizzazzjoni. Huwa żied jgħid li l-European Business Awards dejjem qed jiksbu aktar suċċess u b'dan qed jispiraw lin-negozji jgħollu l-istandards tagħhom. Dawn il-premjijiet qed jgħinu wkoll lill-kumpaniji madwar l-Ewropa jtejbu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom.
Min-naħa tiegħu Jean Stephens, is-CEO ta' RSM International, qal li kulma jmur il-kompetizzjoni qed issir aktar iebsa hekk kif aktar kumpaniji, ta' diversi daqsijiet u minn setturi differenti, qed jagħżlu li jipparteċipaw fil-European Business Awards. Min-numru ta' parteċipanti u ta' pajjiżi differenti involuti fil-kompetizzjoni ta' din is-sena jidher li l-kompetizzjoni se tkun waħda mill-aktar iebsin. Stephens żied jgħid li hekk kif l-evalwazzjonijiet jgħaddu għall-fażi li jmiss l-affarijiet għandhom isiru aktar eċċitanti.
Il-pass li jmiss
EkoGħawdex issa se jirrappreżenta lil Malta bħala Entità ta' Eċċellenza Nazzjonali. Il-pass li jmiss huwa li jiġi sottomess video li jkompli jispjega x-xogħlijiet li qed isiru fi ħdan dan id-Direttorat. Panel ta' ġurija magħmul minn mexxejja tan-negozju, akkademiċi u intraprendituri, se jevalwa il-videos sottomessi mill-entitajiet nazzjonali ta' eċċellenza. Minn dawn il-videos se jintgħażlu l-aqwa negozji, li se jiġu mogħtija l-istatus prestiġjuż ‘Ruban d’Honneur’. Ir-rebbieħa ta’ dan l-unur jikkwalifikaw għall-final tal-2015. Barra minn hekk, kull entità ta' Eċċellenza Nazzjonali se tkun qed tieħu sehem f’votazzjoni pubblika li biha se jintgħażlu l-Entitajiet ta' Eċċellenza Pubblika għal kull pajjiż. Is-sena li għaddiet intefgħu 93,000 vot u aktar minn 400,000 persuna żaret il-website tal-EBA waqt li kienet miftuħa l-kompetizzjoni.
Appoġġjati mill-bidu tagħhom mill-isponsor u promotur RSM International, is-seba’ l-akbar kumpanija tal-verifika, it-taxxa u ta’ konsulenza fid-dinja, il-European Business Awards twaqqfu biex jirrikonoxxu u jippremjaw l-eċċellenza, l-aħjar prattika u l-innovazzjoni madwar n-negozji fil- komunità Ewropea.
Aktar informazzjoni tinkiseb mis-sit: www.businessawardseurope.com.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045