IĊĊELEBRAT JUM IN-NANNIET F’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana attendew attività organizzata minn Nanniet Malta fil-ġonna ta’ Villa Rundle, fil-Belt Victoria. Wieħed mill-għanijiet ta’ din l-Għaqda – Nanniet Malta - kien li jibda jiġi ċċelebrat Jum in-Nanniet, kif fil-fatt ġara, bil-għan li jiżdied l-għarfien fuq livell nazzjonali, dwar ir-rispett u r-rikonoxximent li jixirqilhom igawdu l-antenati tagħna, u sabiex in-neputijiet u l-ġenituri żgħażagħ ikomplu jgħożżu r-relazzjoni tagħhom man-nanniet matul ħajjithom.
Għan ieħor ta’ dan il-Jum huwa li jsir aktar enfasi fuq il-ġenerazzjoni anzjana billi tissaħħaħ s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Iż-żgħażagħ huma mħeġġa sabiex jonoraw u jirringrazzjaw lin-nanniet għall-għarfien u l-imħabba għall-valuri li huma jaqsmu mal-familji tagħna.
Il-Ministru Anton Refalo esprima l-pjaċir tiegħu għal din l-attività u tenna li meta jirnexxilek tgħix ħajja twila hija dejjem grazzja minn Alla; speċjalment jekk tibqa’ b’saħħtek u tkun tista’ tgawdi l-frott ta’ ħajja mimlija ħidma billi terfa’ mix-xogħol u tgawdi l-ħbieb u l-familja fl-aħħar fażi tal-ħajja.
Il-Ministeru għal Għawdex għandu għal qalbu lin-nanniet. Anton Refalo semma bi pjaċir li f’dawn l-aħħar jiem il-MEPA ħarġet il-permessi meħtieġa għat-twaqqiegħ tal-bini eżistenti u l-kostruzzjoni ta’ dar tal-anżjani. Id-Dar ta’ San Ġużepp, li qabel kienet orfanatrofju, ser tiġi kkonvertita f’dar għall-anzjani, fejn l-anżjani jkunu jistgħu jgawdu l-aħħar żminijiet ta’ ħajjithom f’ambjent mill-aqwa attrezzat bil-faċilitajiet l-iktar moderni u avvanzati; minflok ma jqattgħuhom f’parti mill-bini tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex; b’koppji miżżewwġin jiġu separati fl-aħħar ta’ ħajjithom. Il-Ministru Anton Refalo awgura lill-organizzaturi u awguralhom li jgawdu fit-tul lin-neputijiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li għall-ewwel darba f'Malta qegħdin niċċelebraw Jum in-Nanniet, wara mozzjoni fil-Parlamement li ressaq propju dan il-Gvern din is-sena biex Jum in-nanniet f'Malta jiġi ċċelebrat mat-tieni Ħadd ta' Ottubru. Semmiet li din il-ġimgħa hi pparteċipat ukoll f'mixja mal-Belt Valletta organizzata mill-Fondazzjoni Nanniet Malta bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet li għandhom in-konnessjoni ma’ dan il-Jum.
Justyne Caruana qalet li l-irwol tan-nannu u n-nanna huwa wieħed ferm importanti u li qiegħed jagħti kontribut siewi u indirett lis-soċjetà tal-lum. In-nanniet ħafna drabi qegħdin jgħinu lit-tfal tagħhom jieħdu ħsieb in-neputijiet meta huma ma jkunux jistgħu jew ikunu iridu jmorru jaħdmu. Għalhekk, sostniet is-Segretarju Parlamentari, ħafna drabi in-nanna u n-nannu jkunu omm jew missier għat-tieni darba meta jassistu lit-tfal tagħhom fit-trobbija ta’ wliedhom.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi awgurat in-nanniet kollha il-Jum it-tajjeb, u faħħret lill-Fondazzjoni Nanniet Malta għal din l-attività.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045