IT-TNEDIJA TA’ PROGRAMM ĠDID TA’ TAĦRIĠ FL-UŻU TAL-KOMPJUTERS GĦALL-ANZJANI
Grazzi għat-titjib fis-servizzi tas-saħħa, il-popolazzjoni Ewropea, inkluża dik Maltija, qiegħda kull ma tmur tiżdidilha l-proporzjon tal-anzjani fi ħdanha.
Fih innifsu dan huwa sinjal pożittiv ferm, iżda wkoll hu wieħed li joffri bosta sfidi u opportunitajiet lis-soċjetà ta’ zmienna. Wieħda minn dawn l-isfidi hi bla dubju kif se nżommu l-anzjani tagħna attivi soċjalment - huwa fatt magħruf sew li anzjanità attiva tbiegħed ċertu mard filwaqt li l-anzjani jibqgħu jagħtu kontribut siewi fi ħdan is-soċjetà li jgħixu fiha iktar milli jkunu dipendenti minnha. Għaldaqstant waħda mill-għodod siewja li jgħinu l-anzjani biex ikomplu jħossuhom involuti f’dak kollu li jkun qed isseħħ madwarhom huwa l-użu tat-teknolġija tal-informazzjoni, b’mod speċjali l-internet.
L-internet joffri font ta’ informazzjoni tista’ tgħid fuq kull tema taħt il-kappa tax-xemx, minn per eżempju, kif wieħed jieħu kura aħjar ta’ saħħtu sa x’qiegħed iseħħ f’kull rokna tad-dinja, ħafna drabi fil-ħin li jkun qed jiġri l-avveninment innifsu. Fi kliem sempliċi l-internet irrevoluzzjona mhux biss il-ħin u kif taslilna l-aħbar iżda wkoll kif is-soċjetà tikkommunika, għaldaqstant mhux sorprendenti l-fatt li żdied sew in-numru ta’ anzjani Ewropej, l-aktar dawk mill-Ewropa ta’ fuq li qed jużaw l-internet fuq bażi regolari.
F’kuntrast ma din ix-xejra, skont studji li saru lokalment, ’il fuq minn 67 fil-mija taċ-ċittadini Maltin li għalqu 55 sena għadom qatt ma’ għamlu użu mill-internet u allura mhux qed jibbenifkaw mill-vantaġġi li toffri t-teknoloġija tal-informazzjoni.
F’dan il-kuntest, l-Awtorità ta’ Malta ghall-Komunikazzjoni ħasset il-ħtieġa li tissieħeb mas-Segretrajat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva sabiex flimkien iniedu programm pilota ta’ taħriġ li għandu l-għan li jgħin l-anzjani tagħna jiskopru l-benefiċċji tal-aktar għodod komuni fejn jidħol l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, speċjalment l-użu tal-medja soċjali.
L-għan aħħari tad-din l-inizjattiva huwa li l-anzjani tagħna jagħrfu jintegraw kemm jista’ jkun din it-teknoloġija fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, biex mingħajr ma jnaqqsu xejn mill-kuntatt soċjali eżistenti, jkunu wkoll jistgħu jwessgħu ċ-ċriki tal-kuntatti soċjali billi jiżviluppaw kuntatti ġodda kif ukoll ikunu jistgħu jżommu kuntatt aħjar u aktar frekwenti ma’ qrabathom permezz tal-internet.
José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, tenna li “s-soċjetà diġitali tifforma wkoll is-sies ewlieni li fuqu tistrieħ ekonomija diġitali, li kull ma jmur qed tikkontribwixxi porzjon dejjem akbar tal-prodott gross domestiku u hija wkoll sors ewlieni tal-ħolqien ta’ impjiegi. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dak li ninsabu ninawguraw illum tajjeb li wieħed isemmi li diġà qed nitkellmu fuq dik l-imsejħa ‘silver economy‘ jew kif insejħula bil-Malti, ‘l-ekonomija tal-fidda’ li mhi xejn għajr l-attività ekonomika ġġenerata speċifikament miċ-ċittadini anzjani fid-diversi soċjetajiet moderni, inkluża dik tagħna”.
Minn naħa tagħha, Justyne Caruana, Segretarju Parlamentari tenniet “li l-fatt li dan il-proġett jaqa’ fi ħdan is-Segretarjat Parlementari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jirrifletti l-impenn ta’ dan is-Segretarjat Parlamentari li jittrasforma iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum f’ċentri tat-tagħlim għal matul il-ħajja. Din l-inizjattiva għandha l-għan li persuni kbar fl-età jibdew japprezzaw it-teknoloġija diġitali fl-aspetti kollha tal-ħajja. Fid-dinja tal-lum it-teknologija diġitali hija mezz ta’ komunikazzjoni importanti ferm u għaldaqstant dawn il-persuni kbar fl-età għandu ikollhom l-opportunità jużaw din it-teknoloġija”.
Roderick Marmara, Manager tal-unit tas-soċjetà tal-informazzjoni fi ħdan l-MCA saħaq li “ċ-ċittadini li huma maqtugħin mit-teknoloġija tal-informazzjoni qegħdin iġorru riskji ikbar ta’ esklużjoni soċjali b’konsegwenzi negattivi fuq l-indipendenza u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dan jeżiġi l-importanza tat-tagħlim matul l-ħajja biex l-anzjani jkomplu jkunu ħolqa vitali fis-soċjetà Maltija kif ukoll ikomplu jagħtu kontribut fl-ekonomija domestika”.
Dawn is-sensiela tal-laqgħat informattivi għadhom l-għan li jqanqlu interess billi tingħata l-informazzjoni li hemm bżonn dwar l-użu tal-medja soċjali u l-internet mingħajr hafna kumplessità u lingwaġġ tekniku iżżejjed.
Is-sezzjonijiet tal-laqgħat se jkunu offruti f’seba’ Ċentri ta’ Matul il-Jum f’Malta u se jkunu mingħajr ħlas grazzi għal-MCA li qed tiffinanzja dan il-proġett bħala parti mill-inizjattivi li l-Awtorità tieħu fuq bażi regolari bħala parti mill-missjoni tagħha biex tnaqqas il-firda diġitali fid-diversi strati tas-soċjetà Maltija.
L-Awtorità flimkien mas-Segretarjat Parlametari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qegħdin iħejju biex l-istess programm ta’ taħriġ jingħata wkoll fil-gżira ta’ Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045