Left arrow Mur Lura

​KOMPETIZZJONI NAZZJONALI TAL-CODING

pr142337mt
Date Icon 13/10/2014

Kompetizzjoni tal-coding għal studenti minn Year 5 sa Form 5 - Premjijiet kbar x’jintrebħu

L-Aġenzija Governattiva tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, MITA qed tniedi l-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Coding bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Università ta’ Malta. Il-kompetizzjoni hi miftuħa għall-istudenti kollha li jattendu minn Year 5 sa Form 5. L-istudenti, li se jikkompetu f’kategoriji differenti skont l-età, iridu joħolqu logħba dwar it-tema magħżula għal din is-sena - Iddisinja l-Futur. L-istudenti interessati huma mitluba jirreġistraw l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw sat-12 ta’ Novembru u s-sottomissjonijiet tal-logħob iridu jaslu mhux aktar tard mill-5 ta’ Diċembru.

Il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Coding tnediet aktar kmieni llum minn Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u minn Dr Josè Herrera, is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku. Il-kompetizzjoni tagħmel parti mill-attivitajiet ta’ Malta fl-inizjattivi Ewropew għall-Code Week 2014.

L-għan tal-kompetizzjoni hu li jiżviluppa u jżomm l-interess tal-istudenti fil-programming, kemm waqt l-iskola u anki barra mill-klassi. Il-Ministru Evarist Bartolo qal, “Meta l-istudenti jkollhom l-esperjenza li jippruvaw il-coding, jiskopru li jistgħu jieħdu gost u li l-coding huwa proċess li titgħallem affarijiet ġodda waqt li jkunu qegħdin joħolqu u janimaw tpinġijiet, logħob u applikazzjonijiet.”

L-istatistika tindika li bejn l-2010 u l-2013 naqas in-numru ta’ studenti li jagħżlu l-computing. Hu evidenti li l-istudenti jeħtieġu li jkunu mħeġġa biex jagħżlu l-computing bħala wieħed mis-suġġetti tal-għazla tagħhom fil-Form 3 u li l-interess tagħhom fis-suġġett irid ikun sostnut anki wara li jintgħażel is-suġġett. Dan jista’ jintlaħaq biss b’inizjattivi maħluqa apposta bħalma hi l-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Coding.

Il-kompetizzjoni ta’ din is-sena hi miftuħa għal mijiet ta’ studenti minn Year 5 sa Form 5 f’Malta u f’Għawdex u se jkunu qegħdin jikkompetu fil-kategoriji tal-Primarja, Skola Medja u Sekondarja.

Il-MITA diġà għamlet żewġ kompetizzjonijiet fil-computing li kienu ta’ suċċess: “Scratch” fl-2012 u “Only Girls Allowed” fl-2013. Il-MITA sponsorjat ukoll il-kompetizzjoni “mScratch” organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-2013. Il-kompetizzjoni tas-sena l-oħra laħqet 125 studenta li jattendu Form 1 u Form 2, u 67 studenti bl-“mScratch”. Fl-2012 MITA laħqet 51 student permezz tal-kompetizzjoni “Scratch”.

Matul is-sajf il-Computing Group fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, flimkien mal-Holistic, Microsoft u l-Istitut St Martin’s, appoġġjaw din l-inizjattiva billi taw taħriġ fuq lingwi differenti tal-kompjuter lill-għalliema. L-għalliema issa se jinkoraġġixxu lill-istudenti li se jipparteċipaw biex joħolqu logħba interattiva u biex jesperimentaw kif din taħdem bil-lingwa tal-kompjuter li jagħżlu.

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ MITA qal, “Il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Coding hija opportunità unika għall-istudenti biex jikkollaboraw u jtejbu l-ħiliet tagħhom biex isolvu problemi, dawk diġitali u tal-ħsieb kritiku. Din l-inizjattiva tqajjem l-għarfien għall-edukazzjoni fl-eSkills u l-karrieri u tintegra l-ħiliet kritiċi fl-esperjenzi edukattivi u formattivi.”

Dr Josè Herrera stqarr, “Bħala pajjiż neħtieġu li ninvestu kontinwament fil-kapital uman tagħna biex niżguraw li għandna provvista adegwata għal tali ħiliet. Dawn l-inizjattivi jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw kompetenzi li huma importanti għall-iżvilupp u l-kompetittività ta’ Malta.”

Se jkun hemm tim rebbieħ fit-tliet kategoriji kollha u l-għalliema u l-istudenti kollha jingħataw ukoll premju għall-isforzi tagħhom. Il-premjijiet jinkludu żjara lil organizzazzjoni tal-ICT fl-Ewropa għat-tim rebbieħ u għall-mentor/għalliem, settijiet tal-Lego Mindstorms u Bigshot DIY Camera Kits.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Coding u biex tipparteċipa wieħed għandu jżur is-sit: www.mita.gov.mt/codingcompetition  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow