“IL-VIP TERMINAL B’DEHRA ĠDIDA FL-AJRUPORT INTERNAZZJONALI TA’ MALTA JPOĠĠI LIL PAJJIŻNA FUQ IL-MAPPA TAL-AVJAZZJONI, U ĦOLQA OĦRA MAR-REPUTAZZJONI U INVESTIMENT FIL-PAJJIŻ”
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan it-terminal dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li qed jifhem il-ħsibijiet tal-Gvern fl-istrateġija politika tiegħu għal aktar investiment kummerċjali f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li t-terminal qed jilqa’ għat-talbiet ta’ konsumaturi partikolari għal servizz addizzjonali bħalma joffru ajruporti oħra ewlenin. It-tisbiħ – li sewa €450,000 u komplut fi żmien pjuttost qasir – hu l-post fejn wieħed jieħu l-ewwel impressjonijiet ta’ pajjiżna; għalhekk kien xieraq li jsir dan l-investiment.
Dan it-terminal jikkumplimenta l-Ministerial Lounge – li qabel kien jintuża esklussivament minn uffiċjali tal-Gvern biss – issa hu miftuħ ukoll għall-passiġġieri fosthom fis-settur tal-‘business aviation’.
Meta wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti rigward l-Airmalta, il-Prim Ministru qal li minkejja t-telf kawżat mill-kwistjoni fil-Libja li wassal għal telf fl-Airmalta, irridu nkunu pożittivi li l-Air Malta ser tibqa’ strateġika għall-ekonomija tagħna billi tibqa’ taħt il-kontroll tal-Gvern, u jibqa’ jsir fiha l-istrutturar meħtieġ. Il-Gvern hu obbligat jimplimenta l-pjan għall-Air Malta maqbul mal-Kummissjoni Ewropea.
Dwar il-Power Station, Dr Muscat qal li d-deadline tal-Gvern kienet li jintroduċi tariffi orħos għall-familji u l-wegħda qed tinżamm; u f’Marzu li ġej iħabbar kontijiet orħos għan-negozji. Qal li fil-futur qrib ser titħabbar deadline ġdida sa meta trid titlesta l-power station ta’ Delimara – fi ftit xhur mhux snin. Fakkar li hu żgur hu li fil-pajjiż fl-aħħar sena l-Enemalta irreġistrat €20miljun tnaqqis mit-telf li kellha. Semma’ li l-Ministru Konrad Mizzi bħalissa qiegħed iċ-Ċina għal taħdidiet ma’ Shangai Electric, u meta jirritorna ser jagħmel stqarrija ministerjali fil-Parlament dwar id-diskussjonijiet li kellu.
Mistoqsi dwar il-boathouses tal-Armier, qal li wara 25 sena li matulhom ma sar xejn rigward serq tal-elettriku, issa hemm programm sħiħ kif l-affari tiġi trattata.
Dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru qal li saru diskussjonijiet u hemm konverġenza kważi totali; dettalji jitħabbru b’mod immedjat.
Dr Muscat temm jgħid li data ġdida għall-ftuħ tal-bini tal-Parlament qed tiġi ri-negozjata.
Fl-istess okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern iqis l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala sieħeb fil-mixja ekonomika tal-pajjiż. Ninsabu pożittivi bin-numri ta’ passiġġieri reġistrati li jgħaddu mill-Ajruport u b’dan il-proġett qed nikkonsolidaw pass ieħor ’il quddiem fejn qed tigi indirizzata in-niċċa tal-avjazzjoni kummerċjali u jtejjeb il-kwalità tal-prodott tal-avjazzjoni f’pajjizna, zied jghid il-Ministru għat-Turiżmu.
Il-Kap Esekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Markus Klaushofer, qal li dan kien pass importanti għax qed nipprovdu prodott itjeb li ser jgħin biex jikkonsolida l-ajruport tagħna li kapaċi jipprovdi servizz ta’ klassi dinji.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045