IL-KABINETT GĦADU KIF APPROVA L-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR AZZJONI FAVUR IL-KLIMA: ‘GĦODDA BIEX NILĦQU L-MIRI U L-OBBLIGI TAGĦNA’ - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
pr142309
10/10/2014
Il-Kabinett tal-Ministri għadu kif approva l-Abbozz ta’ Liġi dwar Azzjoni Favur il-Klima li ser iġib l-isem ta’ Climate Action Act. Dan ħabbru l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jindirizza konferenza stampa.
Huwa qal li dan sar wara xhur ta’ ħidma intensiva fuq livell purament tekniku minn tim li kien jinkludi l-Professur Simone Borg, Ambaxxatriċi ta’ Malta dwar il-Klima u awtorità fuq is-suġġett, id-Direttur tal-Ambjent u Klima; Saviour Vassallo uffiċjal għoli mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi u Alan Pulis, espert fis-suġġett u konsulent tiegħu bħala l-Ministru responsabbli għat-tibdil tal-klima, flimkien ma’ persuni legali oħra.
Il-Ministru Brincat kompla li l-pass li jmiss issa huwa li ssir preżentazzjoni lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) f’data li ser titħabbar aktar tard, u jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni b’mezzi elettroniċi filwaqt li jkunu lesti li anke jagħmlu laqgħat diretti jekk u meta jkun meħtieġ.
Il-Ministru saħaq li qabel ma jitnieda dan il-proċess, l-Oppożizzjoni ser tkun ikkonsultata.
Huwa tenna li dan l-att kien ġie propost minnu bħala riżoluzzjoni f’isem il-Partit Laburista meta kien għadu fl-Oppożizzjoni. Minkejja li dak in-nhar kien hemm resistenza fil-Parlament għal dan, huwa innota li ftit żmien ilu anki l-amministrazzjoni ta’ qabel kienet sa fl-aħħar iddeċidiet li tipprova timxi f’din id-direzzjoni. Illum qed jieħdu l-ewwel pass lejn it-twettieq ta’ proposta tal-Gvern tal-lum fil-Programm Elettorali tiegħu ta’ Marzu 2013, kif ukoll miżura li hija mwiegħda bħala Abbozz ta’ Ligi fil-Budget 2014.
Il-Ministru saħaq li l-għan huwa li hekk kif jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni, l-Abbozz jitressaq quddiem il-Parlament skont dati miftiehma fi ħdan il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.
L-Abbozz ta’ Liġi huwa maħsub biex jgħin lil pajjiżna jilħaq il-miri u jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu. Dan filwaqt li Malta tkompli tkun konsistenti u tasserixxi ruħha fil-qafas tal-politika Ewropea għat-Tibdil fil-Klima.
Il-Ministru qal li bl-approvazzjoni ta’ din il-Liġi mill-Parlament Malti, pajjiżna jkun wieħed minn ta’ quddiem nett bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea li jkun għadda mill-proċess kollu li jwassal għall-qafas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa f’dan il-qasam, kif insibu fir-Renju Unit u fil-Finlandja fost oħrajn. Il-parti l-kbira tal-istati membri l-oħra jew għadhom qegħdin jikkunsidraw leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din, jew jinsabu f’fażijiet differenti ta’ dan il-proċess. F’xi każi proċess bħal dan saħansitra inbeda u ġie abbandunat għal kollox.
“Għaldaqstant inħossu li b’dan l-Abbozz li qed nippreżentaw illum, Malta irnexxielha tasal fejn bosta pajjiżi oħra ferm akbar u aktar influwenti minna fl-istess Unjoni Ewropea għadhom ferm ’il bogħod milli jaslu fil-kuntest tal-inizjattivi meħtieġa biex nikkumbattu t-Tibdil fil-Klima.”
Il-Ministru Brincat tenna li l-iskop tal-Liġi jmur lil hinn milli nerġgħu npoġġu lil Malta mill-ġdid fuq il-mappa ta’ inizjattivi f’dan is-settur, kif ġara fl-1988 permezz tar-riżoluzzjoni storika fil-Ġnus Magħquda. Kien propju f’dik l-okkażjoni li, bis-saħħa tal-Gvern Malti, għall-ewwel darba t-tibdil klimatiku ġie rikonoxxut bħala common concern of mankind (tħassib komuni tal-bniedem), u allura nbeda l-proċess politiku internazzjonali kumpless li nafu bih illum.
Iżda dan qed isir ukoll fid-dawl tar-relevanza dejjem tikber tal-fenomenu tat-Tibdil fil-Klima prattikament fuq kull livell: nazzjonali, reġjonali, dak Ewropew, kif ukoll multilaterali. Ma jistax jonqos ukoll il-fatt li filwaqt li fuq livell nazzjonali f’oqsma oħra l-Ministeru għandu għanijiet li jistgħu jkunu aktar dwar twettiq ta’ xewqat milli obbligi; fejn tidħol il-klima hi wkoll kwistjoni ta’ obbligi f’qafas legali internazzjonali soffistikat, li kull ma jmur qed isir dejjem aktar impenjattiv.
Huwa qal li biżżejjed insemmu l-Climate and Energy Package tal-istess Unjoni Ewropea b’miri definiti għas-sena 2020 u l-pakkett finali li se jsegwih u li għandu jwassal l-istess Unjoni sas-sena 2030.
Huwa kompla jgħid li propju din il-ġimgħa ltaqgħu l-Ministri tal-Klima u tal-Enerġija f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew taħt il-Presidenza Taljana f’Milan, biex iwittu t-triq għal 2030 Climate And Energy Package li mistenni jiġi diskuss fuq livell tal-Mexxejja tal-Gvernijiet fil-Kunsill Ewropew aktar tard dan ix-xahar.
“Malta hija konformi mat-teżi ekonomika li għal dak li hu t-Tibdil fil-Klima, il-prezz li wieħed jagħżel li ma jagħmel xejn huwa ferm u ferm ogħla milli wieħed jieħu azzjoni issa. Finalment, hija wkoll kwistjoni tal-obbligu morali tagħna llum fil-konfront tal-ġenerazzjonijiet futuri.”
Huwa tenna li għalkemm is-summit riċenti tal-Ġnus Maqgħuda ma kienx maħsub bħala forum ta’ negozjati, jekk spikkat xi ħaga ferm interessanti f’dik il-laqgħa kien l-għarfien ċar li t-Tibdil fil-Klima, l-Ambjent, l-ekonomija u l-investiment għandhom jgħinu lil xulxin u mhux ixekklu lil xulxin.
Studju indipendenti u awtorevoli li ħareġ ftit jiem qabel is-summit tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Ban ki-Moon, bl-isem ta’ The New Climate Economy Report, u li ġie mħejji mill-Global Commission On The Economy And Climate, juri li l-komunità internazzjonali tinsab f’mument kruċjali: jekk jridu li s-Summit ta’ Pariġi, maħsub għas-sena d-dieħla jirnexxi – u li fih tista titfassal xi forma ta’ trattat globali ġdid dwar it-Tibdil fil-Klima – hemm bżonn li l-pajjiżi kollha jinvestu f’miżuri varji maħsuba biex mhux biss inaqqsu r-riskji maħluqa mit-Tibdil fil-Klima, imma li permezz ta’ dan it-tip ta’ investiment jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda li jippromwovu s-sostenibbilità.
Il-Ministru Brincat saħaq li l-Abbozz ta’ Liġi huwa “enabling law” li minnu għad jridu joħorgu għadd ta’ avviżi legali. Minkejja dan, bħal ma’ spiss jiġri fil-qasam ambjentali, l-Abbozz huwa ddisinjat b’tali mod li jitkellem ċar dwar l-istrutturi prinċipali li huma meħtieġa għal pajjiżna, bil-għan li tkun implimentata politika b’saħħita għat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll dwar x’inhu mistenni minn dawn l-istrutturi.
Huwa żied jgħid li flok twaqqfet awtorità jew aġenzija ġdida dwar dan il-qasam tant importanti, qed jipproponu li jkun hemm Climate Action Board Inter-Ministerjali għall-addattazzjoni u mitigazzjoni tal-impatti ta’ dan is-settur. B’dan il-mod se jkun qed jiġi żgurat l-aqwa u l-ogħla livell ta’ koordinazzjoni f’qafas governattiv biex jassiguraw it-twettiq tal-proviżjonijiet varji taħt din il-Liġi unika għal pajjiżna.
Huwa qal li la titwaqqaf l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ir-riżorsi umani marbutin ma’ dan il-qasam vitali se jkunu qed jaħdmu taħt saqaf wieħed fi ħdan din l-entità waħda.
Il-Gvern jirrikonoxxi, u żgur ma jistax jonqos, li mingħajr capacity building dinamiku tant meħtieġ, pajjiżna mhux se jkun f’pożizzjoni li jilħaq il-miri tal-preżent u wisq anqas dawk tal-ġejjieni. Għaldaqstant, dan se jkun aspett partikolari li ser jingħata prijorità.
Huwa kompla li meta tfassal dan l-abbozz inżammet konsultazzjoni fuq livell inter-ministerjali u anki tqiesu l-implikazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ta’ dak propost.
Fl-istess ħin riedu jdaħħlu sens aktar qawwi ta’ ownership f’mod li jindirizza l-obbligi, l-impenji u anki l-aspettattivi dwar dan is-suġġett f’mod aktar strutturat.
L-għan tagħhom huwa li meta dan l-Abbozz isir Liġi, u jibda jitħaddem, iwassal biex ikollhom kif suppost:
· Il-preparazzjoni tal-inventarji għall-emmissjonijiet tal-gassijiet serra kif mitlub mil-liġijiet internazzjonali u dawk tal-Unjoni Ewropea;
· It-tħejjija meħtieġa għat-tfassil kif ukoll l-aġġornament regolari ta’ National Low Carbon Development Strategy;
· Strateġija nazzjonali għall-addattazzjoni għat-Tibdil fil-Klima li tkun regolarment aġġornata biex pajjiżna jkun f’qagħda li jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk tal-ġejjieni riżultat tat-tibdil klimatiku;
· It-twaqqif ta’ Climate Action Board;
· It-twaqqif ta’ Climate Action Fund.
Il-Ministru żied li din il-ħidma trid tkun riflessa l-ħin kollu fil-miżuri u policies soċjo-ekonomiċi u ambjentali tal-Gvern – kemm dawk eżistenti u anke dawk ġodda.
Il-Ministru Brincat tenna li permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Gvern irid jindirizza lis-setturi kollha tas-soċjetà filwaqt li jqis dan ukoll bħala opportunità oħra biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.
Huwa kompla li ma nistgħux nitkellmu fuq it-Tibdil fil-Klima jekk mhux ukoll f’sinerġija mal-iżvilupp ekonomiku; dan l-Abbozz ta’ Liġi ġie mfassal fil-ħsieb li għandna dejjem inħarsu u nippromwovu l-kompetittività ekonomika.
Filwaqt li l-Abbozz jaħseb biex ikun il-Ministru għat-Tibdil tal-Klima li jmexxi u jikkordina dan l-proċess, se jkun il-Gvern kollu kemm hu, bħala entità sħiħa, li ser ikollu l-ownership ta’ dan l-istess abbozz, ladarba jgħaddi mill-proċess Parlamentari u jsir Liġi.
Huwa saħaq li dan għaliex, wara kollox, l-impatti pożittivi u negattivi jolqtu lil kull settur soċjo-ekonomiku f’pajjiżna.
“M’hemmx dubju li dan l-Abbozz ikun laħaq l-għan ewlieni tiegħu mhux jekk u meta jiġi approvat mill-Parlament, iżda biss meta l-provvedimenti kollha tal-Att ikunu qed jiġu implimentati bl-aktar mod effettiv u effiċjenti.”
Huwa temm jgħid li dan l-Abbozz jirrapreżenta pass kruċjali lejn it-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra ta’ dan il-Gvern, kif espressa fil-Programm Elettorali tiegħu.
Imma mhux hekk biss, għalaq il-Ministru, “dan il-pass importanti huwa konferma tar-rieda politika li għandu l-Gvern biex ipoġġi lil pajjiżna fuq quddiem nett fl-ambitu tal-azzjoni internazzjonali li qed tittieħed, u li għad trid tissaħħaħ, sabiex nilqgħu u nikkumbattu għat-tibdil klimatiku.”
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045